Prof. Philip Farrugia B.Sc., M.D., A.R.I.C., F.R.I.C. (1900 – 1977)

 

Prof. Philip Farrugia

Il-Professur Philip Farrugia twieled fl-24 ta’ Awwissu 1900, f’Ħaż-Żebbuġ minn Raphael u Marietta mwielda Zammit. Huwa tgħammed fis-27 ta’ Awwissu fil-Parroċċa ta’ San Filep ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Il-parrini tiegħu kienu Georgius u Josefa Farrugia. Philip kien wieħed minn disa’ aħwa. Fost ħutu kellu lil Emmanuel, Mons. Carmelo Farrugia, Giovanna soru fil-missjoni, Mananni li baqgħet xebba, Johnny li kien negozjant, Ġużeppi, Anthony u Dun Piju.
Huwa żżewweġ lil Helen (Nella) imwielda Carachi fit-2 ta’ Ġunju 1931, u kellhom żewġt itfal – Joan u Amy Rose. Wara l-gwerra hu mar joqgħod fi Triq San Duminku l-Belt Valletta, fejn il-knisja tal-imsemmi qaddis. Minkejja li kellu l-professjoni ta’ tabib, Philip kien ipejjep is-sigarri. Huwa serva bħala President tal-Kumitat li waqqaf il-monument f’ġieħ Dun Mikiel Xerri u Sħabu, li jinsab fil-Belt Valletta.

Il-Professur Farrugia ħa l-ewwel edukazzjoni fl-skola tal-Gvren, fis-Seminarju u wara fil-Kulleġġ ta’ Flores fil-Belt Valletta. Imbagħad kompla javvanza fl-istudji fl-Università ta’ Malta fejn fl-1921 iggradwa fil-Baċellerat għax-Xjenza (B.Sc.) u l-Kura tas-Saħħa Primarja (Ph.C.), u fl-1925 laħaq tabib mediku (M.D.). Wara ngħata scholarship fil-Great Ormond Street Hospital u Guy’s Hospital f’Londra. Philip serva bħala tabib f’Ħaż-Żebbuġ għal diversi snin. F’Malta kien nominat bħala Assistent Uffiċjal Mediku fl-isptar ċentrali mill-1926 sal-1928 u f’Għawdex kien Uffiċjal Mediku mill-1932 sal-1934. Fl-1934 inħatar bħala Junior Analyst u kompla l-istudji tiegħu fl-Ingilterra. Fl-1938 kompla bl-istudji u fl-1939 laħaq Professur tal-Kimika.

Farrugia kompla javvanza fl-istudji billi ġab Associate of the College of Chemistry (A.R.I.C.) u Fellowship of the Royal Institute of Chemistry (F.R.I.C.). Il-Professur Farrugia kien l-ewwel Malti fl-assoċjazzjoni tal-Royal Institute of Chemistry (1949) u kien ukoll l-ewwel Malti li studja fil-grad ta’ Fellowship fl-istess Istitut (1957) minn fejn ġab kwalifiki għoljin ħafna minn madwar id-dinja kollha. Fl-1948 ifforma l-RUM Chemical Society u kien president u editur tal-ġurnal The Chemist. Il-Professur jibqa’ mfakkar li qasam ma’ oħrajn l-għerf fuq diversi materji mediċi u kimiċi permezz tat-tagħlim tiegħu ġewwa l-Università ta’ Malta u bi programmi ta’ tagħlim għall-poplu minn fuq il-mezz tax-xandir ta’ dak iż-żmien, ir-Rediffusion.

Huwa kien l-awtur ta’ tliet pubblikazzjonijiet – The Birth of Medical Chemistry (1949), Is-Saħħa Lilek (1955) u It-Torace u l-Addome (1956). Kikeb ukoll ħafna poeżijji bħal: Quddiem San Filippu, San Filippu ħaj fil-fidda, L-Għid festa ta’ Paċi, Quddiem l-istatwa tal-fidda ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ u oħrajn, li dawn kienu jidru fil- ġurnal Leħen Ħaż-Żebbuġ maħruġ mill-Kunsill Ċiviku fis-snin 1970 u 1980. Philip Farrugia serva ta’ President tal-Każin Banda San Filep bejn is-sena 1929 u 1931, kif ukoll mill-1944 sal-1950.

Dawn huma l-avvenimenti li seħħew matul is-snin li fihom il-Professur Philip Farrugia serva ta’ President:-

12/03/1944Il-Każin Banda San Filep f’isem il-ħamsa u sittin każin ta’ Malta u Għawdex ippreżenta xabla tal-fidda tal-unur lill-Gvernatur ta’ Malta Lord John Standish Gort. Sar programm mużikali apposta, fejn il-Banda San Filep daqqet il-marċ trijonfali mill-opra ʽAidaʼ ta’ Giuseppe Verdi u l-marċ ʽSword of Honourʼ tas-Surmast Adeodato Gatt. Il-preżentazzjoni saret mill-Prof. Philip Farrugia, Dun Luriet Callus u s-Segretarju tal-Każin Banda San Filep Pawlu Zammit. Għaċ-ċerimonja tal-xabla tal-unur kien hemm preżenti l-ogħla awtoritajiet ċivili u ekkleżjastiċi, fosthom kien hemm l-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi, Mons. Emmanuele Galea – Isqof ta’ Tralles fit-Turkija, l-Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ Dun Pawlin Galea u Mons. Karm Psaila. Kien hemm ukoll preżenti Dun Alexander Zammit McKeon, Mabel Strickland, Beatrice Borg, il-Prof. Godfrey Zarb Adami – Professur tal-għajnejn, Edgar Ellis, Maġġur John C. Buckley, Prof. Albert Victor Bernard – Direttur tas-Saħħa Pubblika, J.C. Campbell – Uffiċjal Għoli tal-Gvernatur ta’ Malta, Dr Anthony Montanaro Gauci – Imħallef u Eks-Speaker tal-Parlament, Inez Galea – Filantropa, Dr Albert V. Laferla – Direttur tal-Iskejjel Elementari, Roger Strickland – Membru tal-Partit Kostituzzjonali, Mons. Enrico Bonnici – Vigarju Ġenerali, Dr Giovanni Calleja – Avukat, Alfred Cachia Zammit, Maryann Kissaun – Rappreżentant mill-Kunsill tal-Istudenti, Francis Campbell Ross Douglas – 1st Baron ta’ Barloch KCMG u oħrajn. Il-mistednin distinti kienu miġburin fuq parti mill-palk ʽSkorfinaʼ. Teresa, bint Carmelo Coleiro li kien bandist mal-Banda San Filep ippreżentat bukkett ward lil Lady Gort. Inkixfet lapida kommemorattiva mal-faċċata tal-Każin Banda San Filep mill-Arċipriet Pawlino Galea. Ta’ min isemmi li mill-Bieb De Rohan sal-pjazza, il-karozza Rolls Royce tal-1937 li kien riekeb fiha Lord Gort, kienet miġbuda b’ħabel miżbugħ bil-kuluri aħmar, abjad u ikħal, mill-membri tal-Każin Banda San Filep u partitarji oħrajn. Kien hemm ċapcip kbir u ferħ mill-folla preżenti, li lkoll kellhom il-bnadar Ingliżi u Maltin f’idejhom.

Lista ta’ baned u għaqdiet oħrajn li ħadu sehem fiċ-ċerimonja tal-għoti tax-xabla tal-unur lill-Gvernatur ta’ Malta Lord John Standish Gort:

Ħ’AttardSt MaryEastern Star
Ħal BalzanSan GabrieleMaria AnnunziataBalzan Youths
Il-BirguDuke of Edinburgh
BirkirkaraDuke of ConnaughtSt Helen
BormlaSt George’s
Ħad-DingliDingli
Il-FurjanaVilhenaLion SportingThe London W.T.
Ħal GħargħurSt BartholomewMalta Home Guard
Ħal GħaxaqSt JosephSt Mary
Il-ĦamrunSan GiuseppeSt Gaetan
Il-KalkaraSan Giuseppe
Ħal KirkopSt Leonard
Ħal LijaCircolo Papa Pio XSt AndrewLiense
L-IslaQueenʼs Own
Ħal LuqaSt AndrewUnion
Il-MelliehaLa VittoriaImperialMalta Home Guard
L-ImqabbaKing George VLily
Il-MostaNicolò Isouard
L-ImsidaMelita
In-NaxxarPeace
PaolaG.M. Fra Ant. De PauleConstitutional
Ħal QormiPintoSt George
Il-QrendiSt MaryLourdes
Ir-RabatLʼIsle AdamCount RogerKażin Soċjali
San ĠiljanSt Julian’s
Is-SiġġiewiSt Nicholas
Tas-SliemaStella MarisSliema
Ħal TarxienAnnunziata
Il-Belt VallettaKingʼs OwnLa ValetteAnglo Maltese LeagueSt. George’s (Overseas League)
Ħaż-ŻabbarSan MikielMaria Mater Gratiae
Ħaż-ŻebbuġSt PhilipMalta Home Guard
Iż-ŻejtunBelandŻejtunJuventutis Domus (S. Familja)
Iż-ŻurrieqSt CatherineQueen Victoria
VictoriaLa StellaLeone
Ix-XagħraVictory
 
22/03/1944Il-Gvernatur ta’ Malta Lord John Standish Gort stieden lill-kumitat tal-Każin Banda San Filep u mistednin distinti oħra fil-Palazz ta’ Santʼ Anton għal riċeviment bħala turija taʼ ringrazzjament.
08/05/1945Spiċċat il-Gwerra mal-Ġermanja. Fit-tlieta u kwart ta’ wara nofsinhar daqqew il-qniepen tal-Knisja Arċipretali bʼmota ferriħija. Filgħaxija l-Banda San Filep għamlet marċ tal-Victory biex tfakkar it-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija u tat bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa ta’ San Filep, l-ewwel waħda li ġiet iċċelebrata wara l-gwerra. Inħaraq ukoll in-nar tal-ajru.
08/09/1945Il-Festa tad-Duluri saret bil-kbir ukoll. Sar ħafna logħob tan-nar. Il-Banda San Filep ħadet sehem u magħha ħadet sehem ukoll il-Banda King’s Own tal-Belt Valletta.
21/10/1945Il-kumitat tal-Każin Banda San Filep organizza festin fl-istess każin sabiex il-mistednin jagħtu ġieħ lill-President Onorarju, il-Prof. Mons. Carmelo Psaila D.Litt.,  fl-okkażjoni li l-Università Rjali ta’ Malta nkurunat il-merti letterarji taʼ Dun Karm bil-għoti tal-Grad taʼ D.Litt. ʽHonoris Causaʼ. Il-President Prof. Philip Farrugia niseġ diskors sabiħ u għaqli marbut mal-Onorifiċenza taʼ Dun Karm.
25/10/1945Il-Prof. Mons. Carmelo Psaila D.Litt., kiteb ittra ta’ ringrazzjament lill-President u l-Kumitat tal-Każin Banda San Filep, għall-festa li għamlulu. Hu wera l-għaxqa tiegħu għall-ħsieb patrijottiku tal-kumitat.
19/11/1945Il-Każin ħallas £395 jew €920 lill-Iskultur Francesco Saverio Sciortino għall-abbozzi tal-panewijiet tal-bradella ta’ San Filep fil-knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ.
08/06/1946Il-Banda San Filep tellgħet programm mużikali f’Misraħ San Filep – Jum ir-Rebħa tal-Alleati fil-Gwerra – f’għeluq l-ewwel anniversarju tat-tmiem tal-gwerra.
22/09/1946Il-Ħadd fuq il-festa tad-Duluri, il-Każin Banda San Filep organizza xalata kbira għall-Armier tant li mtlew madwar sebgħin xarabank bin-nies. Il-Banda San Filep akkumpanjat din ix-xalata b’daqq ta’ marċi u valzi fost briju sħiħ. Din il-massa kbira ta’ Żebbuġin laħqet il-qofol tal-briju hekk kif  waslu lura Ħaż-Żebbuġ mad-daqq tal-Banda.
15/05/1947Inawgurat il-palk preżenti fil-pjazza, disinn tal-Perit Degiorgio. Il-Banda San Filep taħt id-direzzjoni tas-Surmast Adeodato Gatt esegwiet programm vokali u strumentali mill-aqwa, akkumpanjat minn kor taʼ 120 tifel u tifla tal-iskola tal-gvern. Fosthom indaqqet l-ʽOverture Solennelle 1812ʼ. Dan il-programm ixxandar dirett fuq  ir-Rediffusion u l-Banda San Filep kienet l-ewwel waħda li daqqet fuq il-mezzi tax-xandir. In-nies li ħadmu l-palk kienu Salvu Zammit, Ninu Micallef, Philip Spiteri, Joe Muscat, Gaetano Mallia, Philip Briffa, Patist Bonnici, Salvu Cassar u Philip Muscat.
28/09/1947Il-Każin Banda San Filep għal darba oħra organizza xalata kbira bil-karozzi. Nies li għadhom jiftakru jgħidu li din kienet ikbar minn tas-sena taʼ qabel u iżjed brijuża. Xħin reġġħu lura kien hemm il-ġlied ma’ tal-każin taʼ San Ġużepp.
14/11/1947Għeluq l-ewwel mitt sena mill-mewt ta’ Mons. Franġisk Saver Caruana – mexxej tal-Maltin fi żmien l-imblokk tal-Franċiżi. Inkixfu żewġ lapidi kommemorattivi mill-Prim Ministru ta’ Malta Dr. Pawlu Boffa – waħda mad-dar tiegħu fi Triq De Rohan u oħra mal-faċċata tal-Każin Banda San Filep. Dawn tbierku mill-Isqof Emanuele Galea. Kien hemm preżenti l-Ispeaker Joseph Cassar, Robert Bencini u mistiedna distinti oħra.
09/10/1948Il-Każin Banda San Filep ippubblika r-regolamenti tal-bandisti tal-istess banda.
1949Titwaqqaf il-kumpanija teatrali bl-isem ʽŻebbuġ Dramatic Companyʼ li kienet titħarreġ fil-Każin Banda San Filep. Ittellaʼ dramm bl-isem ʽToscaʼ.
01/05/1949Saru festi kbar f’ġieħ San Filep, ġewwa u barra l-knisja minn Ħadd  qabel sal-ottava f’għeluq il-mitejn u ħamsa u għoxrin sena mill-miġja tar-relikwa. Saret tifkira ta-Relikwija u t-Transulazzjoni mill-Knisja ta’ Mamo sal-Knisja Parrokjali. L-Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ kien Dun Lorenzo Zammit (1949 – 1963).
09/02/1950Il-Gvernatur ta’ Malta Sir Gerald Hallen Creasy flimkien mas-Sinjura tiegħu Lady Hallen żaru l-Każin Banda San Filep, u wara kien hemm riċeviment.

Il-Professur Philip Farrugia ħalla dan il-wied tad-dmugħ nhar id-29 ta’ Diċembru 1977, fl-għomor ta’ 77 sena. Huwa jinsab mistrieħ fil-qabar tal-familja – Kompartament Ċ, № 50, fiċ-Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù f’Ħaż-Żebbuġ. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ u l-Gvern taw ġieħ lill-Professur bravu billi semmew triq għalih f’Ħaż-Żebbuġ, li tinsab fiż-żona magħrufa bħala Tal-Grazzja. Tajjeb ta’ min wieħed isemmi li dawn l-erba’ Presidenti tal-Għaqda Każin Banda San Filep – it-Tabib Pietro Paolo Galea, Dun Sander Zammit McKeon, Dun Luret Callus u l-Prof. Philip Farrugia meta kienu ħajjin kienu joqogħdu maġenb xulxin fi Strada Reale Ħaż-Żebbeġu issa qegħdin jistrieħu maġenb xulxin fiċ-Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù. Il-Professur Philip Farrugia jibqa’ mfakkar għall-kliem sabiħ tal-Innu tal-Banda (Bil-ħila tas-sewwa) tant popolari li jindaqq kull fejn il-tagħmel servizz il-Banda San Filep.

Il-lirika tal-Innu tal-Banda u Il-mużika tal-Innu tal-Banda
Lord Gort stieden il-kumitat tal-Każin Banda San Filep u mistednin għolja oħra fil-Palazz ta’ Sant’ Anton għal riċeviment. Fl-1952 saret il-gradwazzjoni tat-tobba B.Pharm., B.Sc. Jidhru mix-xellug għal-lemin: Michael Cassar, Edwin Grech, Prof. Philip Farrugia, Abraham Galea, Gilbert Manchè u Philip Muscat
Ippreżenta xabla tal-fidda tal-unur lill-Gvernatur ta’ Malta Lord John Standish Gort. Lapida kommemorattiva mal-faċċata tal-Każin Banda San Filep.
Ir-residenza 292 fi Strada Reale Ħaż-Żebbuġ. Mart il-Profs. Philip Farrugia (Nella). Isem ta’ triq li ssemmiet għall-Prof. Philip Farrugia
Il-qabar fejn qiegħed jistrieħ il-Profs. Philip Farrugia

Referenzi:-

Tagħrif mingħand is-Sinjura Joan Stilon it-tifla tal- Profs. Philip Farrugia.

Kotba tal-Festa tal-Għaqda Każin Banda San Filep.

Robert Mifsud Bonnici Dizzjunaeju (1960) Bijo-Bibljografiku Nazzjonali, Paġna 206.

Schiavone Michael (2009) Dictionary of Maltese Biographies (Vol. 2 – Pġ. 784).

Kunsill Ċiviku, Leħen Ħaż-Żebbuġ (1970 – 1980).

Każin Banda San Filep (2001). Il-Ġrajja tal-Każin Banda San Filep.

© Avvenimenti tal-Għaqda Każin Banda San Filep mill-1851 sal-2018.

Riċerka tal-Arkivista l-Kav. John Gafà © 29/06/201

To top