Aspetti mill-Festa tal-2015

Hekk kif qorob ix-xahar ta’ Mejju Ħaż-Żebbuġ beda jilbes il-libsa tal-festa, bl-ewwel appuntament għal kull Żebbuġi jkun it-tnax tal-istess xahar-il-jum tal-festa liturġika. Dan il-jum beda bid-daqq tal-qniepen  minn kmieni filgħodu. Imbagħad filgħaxija l-Banda San Filep taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Richard Bugeja għamlet marċ brijjuż madwar it-toroq Żebbuġin, li laħaq l-qofol tiegħu f’Misraħ San Filep. Numru sabiħ ta’ żgħażagħ ingħaqdu mal-banda u għamlu briju sabiħ, li tant aħna magħrufin għalih. F’dan il-jum speċjali għaż-Żebbuġin, taw sehemhom ukoll tas-sezzjoni tal-Kamra tan-Nar San Filep,li fi tlett ħinijiet matul il-ġurnata ħarqu numru ta’ murtaletti, beraq u filgħaxija anke murtali tal-kulur li sebbħu is-sema. F’dan il-jum ukoll bdew ix-xandiriet diretti mir-radju tal-komunità, ir-Radju Każin Banda San Filep li kompla jxandar bla waqfien għal xahar sħiħ fuq il-frekwenza 106.3 FM bi skeda li tolqot il-gosti ta’ kulħadd.

Hekk kif għaddiet il-festa liturġika, il-ħidma kompliet tiżdied aktar ma qorbot il-ġimgħa importanti li bla dubju kull wieħed u waħda minnha jkun qiegħed jistenna. Matul Mejju saru żewġ coffee mornings mis-sezzjoni Nisa, majjalata u riċeviment mill-grupp tan-nar ufis-7 ta’ Ġunju festin annwali mis-Sezzjoni Żgħażagħu. Saru wkoll diversi kunċerti mill-Banda San Filep bi tħejjija għaż-żewġ programmi ta’ matul il-ġimgħa tal-festa. Nhar il-Ħamis 4 ta’ Ġunju sar ieħor organizzat mill-kumitat ċentrali. Kienet ħelwa l-purċissjoni hekk magħrufa bħala ta’ San Filep iż-żgħir li saret l-Erbgħa 3 ta’ Ġunju 2015. Din hija purċissjoni tat-tfal li jġorru statwa żgħira ta’ San Filep akkumpanjati minn għadd sabiħ ta’ bandisti żgħażagħ kif ukoll minn aljievi żgħar tal-Banda San Filep. Din l-attivita sabiħa bdiet b’quddiesa fil-Kappella tal-Madonna tal-Anġli mid-Direttur Spiritwali Fr Philip Cutajar ofm u mbagħad imxiet għal Triq il-Kbira u Misraħ San Filep. Fi tmiem il-purċissjoni t-tfal kellhom party fis-sala Mayfair tal-Każin San Filep. Wara din kien imiss l’ikla kbira fi Triq Sciortino quddiem il-binja mponenti tal-Għaqda Każin Banda San Filep.BBQNar2015

Imbagħad kellna l-ikla kbira ta’ qabel il-festa organizzata mill-grupp tan-nar. Soltu din kienet issir is-Sibt filgħaxija imma dis-sena għall-ewwel darba saret il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju. Xorta kienet suċċess għax ġew aktar minn ħames mija u ħamsin ruħ għall-ikel. Minbarra l-ikel abbundanti u tajjeb reġa’ kien hemm ukoll divertiment minn diversi kantanti żgħażagħ u mill-komiku Joe Demicoli. Din is-sena għall-ewwel darba kellna wkoll kwintett bl-isem Sanfi magħmul minn bandisti tal-Banda San Filep li daqq għadd ta’ siltiet fuq stil Jazz u marċi brijużi.

Il-Ħadd 7 ta’ Ġunju, jum il-ħruġ tal-istatwa min-niċċa, filgħodu fil-każin sar festin mis-sezzjoni żgħażagħ, sar ukoll it-tberik tal-Kamra tan-nar, u fil-knisja arċipretali, għal ħabta tal-11.45am inħarġet l-istatwa min-niċċa b’mod kwiet fil-preżenza ta’ membri miż-żewġ każini tal-baned u tpoġġiet fil-kappellun tal-Erwieħ quddiem in-niċċa ta’ San Ġwann. Filgħaxija imbagħad saret iċ-ċerimonja sabiħa tal-ħruġ solenni, billi wara l-quddiesa tas-7.00pm saret il-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Filep tul in-navi tal-lemin u l-korsija tal-knisja arċipretali li kienet imballata bin-nies. Is-sezzjoni nar għal darba oħra reġgħet tat is-sehem tagħha b’ħarqa varjata ta’ murtali tal-berqa u tal-kulur. Filwaqt li il-banda daqqet numru ta’ marċi brijużi fl-inħawi ta’ misraħ San Filep. Hekk kif ġie fi tmiemu, numru ta’ bandisti mill-grupp Sanfi għat-tieni sena konsekuttiva tellgħu l-attività mużikali fil-bar tal-każin, fejn allegraw lil min kien hemm b’daqq ta marċi brijużi.

L-attivitajiet soċjali matul il-jiem tal-festa ma jonqsux bl-għaqda torganizza festin għal benefatturi tal-istess soċjeta nhar It-Tnejn 8 ta’ Ġunju b’numru ta’ personalitajiet joffru rigali kemm fil-forma ta’ donazzjoni u anke sabiex l-istess għaqda tkompli ir-rikezzi fl-arkivju tagħha.Marc Hamis

It-Tlieta 9 ta’ Ġunju, kien jum li kull partitarju żagħżugħ jistenna. Dawn flimkien mal-Banda Santa Marija tal-Qrendi li kienrt mistiedna mill-Għaqda San Filep, għamlu wisq briju u fi tmiem il-marċ tellgħu feature sabiħ fi triq Sciortino. Matulu s-sezzjoni żgħażagħ tat rendikont tal-ħidma tagħha u ta’ sezzjonijiet oħra permezz ta’ vidjow awdjo fuq skrin kbir li ġie armat apposta quddiem is-sede tal-istess għaqda għall-gost tal-bosta żgħażagħ stillieri li ħonqu t-triq.

Mill-Erbgħa 10 Ġunju ‘il-quddiem, is-sezzjoni nar bdiet tarma n-nar tal-art għall-ħarqa  tal-Ħamis u dik tal-Ġimgħa li kull sena tkun waħda mill-aqwa f’dak li għandu x’jaqsam man-nar tal-art mekkanizzat. Fl-istess jum ir-radju tal-komunità beda xandiriet diretti tat-tridijiet permezz ta’ link dirett mal-knisja arċipretali. B’hekk l-Għaqda laħqgħet ukoll lil dawk li għal xi raġuni ma setgħux jattendu fil-knisja kif ukoll lill-emigranti barra minn Malta.

Nhar il-Ħamis 11 ta’ Ġunju, it-tieni jum tat-tridu, il-Banda San Filep għamlet servizz ieħor innovattiv maqsum fi tlett partijiet. L-ewwel marċ qasir li beda min fuq iz-zuntier, segwit minn programm b’differenza minn fuq il-planċier u fl-aħħar marċ brijuż minn ħdejn il-Coronation Bar sal-każin. Iż-żgħażagħ u dawk tan-nar reġgħu taw sehemhom bil-kbir.K ollox intemmfil-11.30pm bil-ħruq tan-nar tal-art maħdum mis-St Philip Fireworks Factory.

NarArt2015Il-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju, l-aħħar jum tat-tridu, saret ħarqa spettakolari ta’ nar tal-art mekkanizzat maħdum minn membri tas-sezzjoni tan-nar. Dan sar appuntament imfittex minn ħafna dilettant tan-nar anke minn irħula oħra u għalhekk misraħ San Filep reġa’ kien mimli daqs bajda. Wara li spiċċa n-nar tal-art il-grupp tan-nar ħa ħsieb iżarma n-nar tal-art u joħorġu mill-pjazza kemm jista’ jkun malajr.

Is-Sibt 13 ta’ Ġunju, lejlet il-festa, l-istess sezzjoni tan-nar kellha erbgħa appuntamenti f’ħinijiet differenti li fihom ħarqet diversi murtali u murtaletti bil-logħob. Il-qofol intlaħaq bil-ħarqa kbira ta’ nar tal-kulur li dam sejjer mid-9.30pm sal-11.00pm, spettaklu sinkronazzit mal-mużika imsejjaħ Pyro Rhapsody ikkontrollat bis-sistema Fire-one. Dan ukoll sar spettaklu nistenni minn ħafna li jimlew it-toroq fil-periferija ta’ Ħaż-Żebbuġ kif ukoll Tal-Virtu fost postijiet oħra. Fl-istess ħin li is-sezzjoni nar kienet qegħda tpitter is-sema permezz ta’ diversi kuluri, il-Banda San Filep taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Richard Bugeja offriet programm mużikali mill-aqwa b’siltiet mużikali varjati minn fuq il-planċier tal-istess banda.

Il-Ħadd 14 ta’ Ġunju, jum il-festa beda fit-8.00am bil-qudiesa sollenni ċċelebrata mill-Arċiaqof emeritu Mons Pawl Cremona waqt li l-paniġierku sar minn Dun Ġwann Sultana. Iż-żgħażagħ ħadu ħsieb jarmaw il-Bandalora l-kbira u l-umbrella mekkanizzata fil-pjazza bħalma għamlu t-Tlieta u l-Ħamis ta’ qabel. Fl-10.00am il-Banda San Filep bdiet il-marċ ta’ filgħodu minn fuq iz-zuntier u mxiet mill-pjazza lejn iz-zoni tal-Anġli, tal-Kandlora u tal-Grazzja qabel ma reġgħet lura fil-pjazza fejn folla kbira kienet tistenniha tant li anke mliet parti minn Triq Sciortino u minn Triq il-Kbira. Bosta libsu kpiepel u flokkijiet ħodor tal-festa waqt li oħrajn xejjru bnadar bl-arma tal-banda jew stampa tal-istatwa ta’ San Filep. Saru kollegamenti diretti mir-radju tal-każin mal-marċ. Il-briju taż-żgħażagħ kien kbir u wara li spiċċa l-marċ dawnkomplew jifirħu fil-bar tal-każin.

Purcissjoni2015-3 Purcissjoni2015-2 Purcissjoni2015

Filgħaxija, qabel il-ħruġ tal-purċissjoni, l-Baned Queen Victoria taż-Żurrieq u San Sebastjan ta’ Ħal-Qormi, t-tnejn mistiedna tal-Banda San Filep, għamlu żewġ marċi – tal-ewwel fl-inħawi ta’ Ħal Mula u l-oħra fi Triq il-Kbira bejn il-Coronation Bar u l-pjazza. Fis-7.00pm mal-ħruġ tal-purċissjoni nħaraq salut tal-bomba u l-kaxxa tal-ħruġ. Għall-ewwel darba il-Banda San Sebastjan akkumpanjat il-purċissjoni mill-bidu sakemm din daħlet minn Vjal il-Ħelsien għal Triq Sciortino. Il-kantanta Albertine Abela kantat l-Innu Popolari ta’ San Filep sakemm l-istatwa kienet fuq iz-zuntier. Matul il-purcissjoni kollha il-kamra tan-nar San Filep għamlet ħarqa varjata ta’ nar tal-ajru, beraq, sfejjer, murtali bil-logħob, u murtali tal-kulur li ntemmet b’kaxxa tal-kulur waqt id-dħul. Tul l-aħħar siegħa tal-purċissjoni, jiġifieri minn ħdejn il-kappella tad-Duluri ‘l quddiem, il-purċissjoni kienet allegrata minn żewġ baned: l-ewwel mill-Banda San Bartilmew ħdejn il-kappella tad-Duluri u wara fil-pjazza mill-Banda Queen Victoria minn fuq il-planċier fejn reġgħet kantat Albertine Abela. L-ewwel banda reġgħet daqqet u reġgħet fuq iz-zuntier. Mad-dħul tal-purċissjoni fl-10.00pm fil-knisja ngħatat il-barka u saru r-ringrazzjamenti. Iż-żewġ gruppi tan-nar ingħataw merħba x’ħin waslu l-knisja jippreżentaw bukketti ta’ fjuri. Il-grupp tan-nar tal-Kamra tan-Nar San Filep li waslu direttament mill-għalqa qalgħu applaws kbir. Wara l-Banda San Bartilmew għamlet il-marċ tal-aħħar li beda minn fuq iz-zuntier u mexa sal-Coronation Bar u lura sal-Każin San Filep fejn intemm ma nofs il-lejl. F’dak il-ħin waqaf ixandar ukoll ir-radju tal-każin.

To top