L-Istatwa tal-Fidda ta’ San Filep t’Aġġira

Luigi Fontana
Luigi Fontana

Fil-15 ta’ Jannar 1860 beda l-ġbir tal-flus biex issir statwa ta’ San Filep għall-knisja parrokkjali ddedikata lilu f’Ħaż-Żebbuġ. Kien hemm min xtaq li din issir tal-fidda minkejja li l-ispiża kienet kbira wisq. Fost dawn, nies prominenti taw jew wegħdu ammonti sostanzjali bil-kundizzjoni li l-istatwa ssir tal-fidda. Tnax -il Żebbuġi mmexxija minn Dun Salv Trevisan ħolqu kumitat u ntrabtu personalment li jagħmlu tajjeb biex jitħallsu l-ispejjeż kollha tal-istatwa u wara jiġbru lura flushom bil-mod. Biex jiddisinja u jaħdem l-istatwa tqabbad il-Professur Ruman Luigi Fontana, skultur, ċesellatur u pittur li kien jgħallem il-pittura fl-Akkademja ta’ San Luqa, f’Ruma. Intgħażlu wkoll żewġ pitturi biex jissorveljaw ix-xogħol: il-Kavallier Ġermaniż Friedrich Overbeck u t-Taljan Tumas Minardi li għamlu l-parti tagħhom fejn pereżempju ma kinux kuntenti bir-ras tal-istatwa qabel ma saret tliet darbiet. Ir-ras, l-idejn, is-saqajn u s-serp huma fużjoni (jiġifieri saru minn fidda mastizz) waqt li l-bqija hu xogħol tal-martell fuq pjanċa tal-fidda.

Peress li l-istatwa kienet maħsuba għall-purċissjoni, l-iskultur għamilha turi lill-qaddis jimxi u jbierek. L-istatwa li nħadmet fuq stil Neo-Klassiku hi għolja żewġ metri u fiha madwar sitta u tletin kilogramm ta’ fidda. Fit-13 ta’ Lulju 1863, l-istatwa lesta ttieħdet il-Vatikan fejn tbierket mill-Papa Piju IX li għaniha wkoll b’100 jum indulġenza u tħalliet xi ġranet għall-wiri qabel intbagħtet lejn Ħaż-Żebbuġ.

Kitba fuq in-naħa ta’ wara tal-pedestall tfakkar din il-ġrajja. Dan il-pedestall tal-bronż indurat bir-ram u d-deheb huwa sempliċi imma eleganti. L-Osservatore Romano, il-ġurnal uffiċjali tal-Vatikan, fil-ħarġa tal-21 ta’ Lulju 1863, iddeskrivieha hekk: “L-istatwa hi perfetta fix-xogħol minn kull ġenb. Il-qaddis liebes pjaneta wiesgħa u antika, b’alba tal-għażel u stola kbira fuq stil Grieg, qed jipprietka lill-poplu waqt li b’sieq is-salib qed jisħaq ras is-serpent tal-infern ħdejn riġlejh. Il-ħsieb li fih l-artist nissel il-ħajja, hu sabiħ u imponenti. Id-disinn, l-iktar tar-ras, hu nobbli u bi ħsieb, ix-xogħol hu milqut, għalkemm tqil biex tiksi l-injam bi pjanċi tal-metall.”

L-Istatwa tal-Fidda ta' San Filep
L-Istatwa tal-Fidda ta’ San Filep

Dr. Nikola Zammit li kien tabib, skultur, pittur, perit u kittieb kiteb hekk fir-rivista L’Arte tat-22 t’Awwissu 1863: “L-istatwa tal-fidda…hi xogħol perfett li jħallik imsaħħar wara s-sbuħija li taf issawwar l-arti, u ma tħallikx tagħti kas tal-ispejjeż li saru. […] għandha dehra maestuża, qawwa ta’ għemil, bixra li timpressjona. Kollox juri l-istorja tal-qaddis, fi kliem ieħor poeżija minn kull fejn tħares.”Dun Salv Ciappara qal hekk dwar l-istatwa: “X’naturalezza fil-panneġġi (ħwejjeġ)! F’kulma fiha hija tal-għaġeb u l-wiċċ huwa divin!”L-Istudjuż u Kritiku tal-Arti Antonio Espinosa Rodriguez kiteb hekk dwar din l-istatwa: “[…] tistħoqilha attenzjoni minħabba l-kwalitajiet artistiċi li għandha u l-fatt li hija unika fil-ġeneru tagħha f’Malta. […] Għalkemm vigoruża, mimlija ħajja u movimenti, din il-figura virili hija mneżżgħa minn dawk l-eċċessi teatrali u psewdo-barokki, karatteristiċi ta’ bosta vari Maltin.” Achille Ferris fil-ktieb tiegħu fuq il-knejjes ta’ Malta jgħid li “L-istatwa ta’ San Filep hi kolossali…tisboq kull tifħir.” L-ispiża sħiħa biex saret din l-istatwa u nġabet sal-parroċċa telgħet għal £917,16s5d (disa’ mija u sbatax-il lira, sittax-il xelin u ħames soldi). Biex nifhmu aħjar kemm kienet kbira din l-ispiża, dak iż-żmien labourer mal-Gvern kellu paga ta’ £20 fis-sena (skond il-blue book li kien fih il-lista tal-impjegati tal-Gvern u l-pagi tagħhom). Jiġifieri l-istatwa swiet kważi daqs il-pagi ta’ sena ta’ sitta u erbgħin ħaddiem. Illum l-istess ħaddiem għandu mal- €10,000 fis-sena. Mela bl-istess kejl l-ispiża tal-istatwa kienet madwar €460,000 tal-lum.

Dan bla ma nikkunsidraw il-valur artistiku tagħha. Kif kien possibbli tinġabar somma hekk kbira? Dik il-ħabta f’Ħaż-Żebbuġ kienet tinħass ċerta ħeġġa lejn il-festa tal-patrun.

Fl-1851 kienet twaqqfet banda li ssemmiet għal San Filep kif għadha msemmijja sal-lum. Is-soċjetà ta’ din il-banda tat sehem kbir u organizzat biex inġabru l-flus meħtieġa tant illi l-Arċipriet Francesco Borg irringrazzja bil-miktub lil din l-għaqda f’April 1864. Dan flimkien mal-ħeġġa tar-Rev. Trevisan, il-garanzija tal-kumitat imsemmi u mal-ġenerożità taż-Żebbuġin li dan iż-żmien kienu jgawdu prosperità ekonomika min-negozju tal-qoton jispjegaw kif din il-ħolma saret realtà li baqgħet unika għal Malta. Iżda l-ġmiel tal-istatwa malajr nessa t-tbatija biex inġabret somma hekk kbira. Tant ingħoġbot miż-Żebbuġin illi lil Luigi Fontana għamlulu laqgħa mill-aqwa. L-aqwa nies stednuh fi djarhom, għamlulu l-ikliet, tawh ir-rigali u fl-aħħar tawh ukoll b’rigal £22 fi flus aktar milli kienu miftehma miegħu.

 

To top