Rev. Alexander Zammit McKeon (1881 – 1959)

Rev. Alexander Zammit McKeon

Rev. Alexander Zammit McKeon twieled Ħaż-Żebbuġ fil-5 ta’ Settembru tal-1881, minn Joseph Zammit u Helen imwielda McKeon. Ommu kienet minn Coleraine, l-Irlanda. Huwa tgħammed l-għada fil-Parroċċa ta’ San Filep ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Il-parrini tiegħu kienu Antonio Demajo u Michelina Pisani. Kellu wkoll ħutu: Alfred, Johnny, Concetta, Ġużeppi u Margaret. Fl-21 ta’ Diċembru tal-1907 ġie ordnat saċerdot. Fi żmien l-istaġun tal-insib, Dun Sander kien iqaddes fit-tlieta u nofs ta’ filgħodu għan-nassaba.
Kien Kap tal-Iskola tal-Gvern fl-Imġarr, Malta u wara f’Ħaż-Żebbuġ. Fil-fatt ħafna anzjani jiftakruh bil-bastun (drill cane tal-fizzjali) dejjem f’idejh biex imexxi t-tfal u jżomm id-dixxiplina.

Dun Sander kien kantant b’vuċi ta’ tenur prim kif ukoll mużikant. Fil-fatt kien ikkompona quddiesa għal żmien il-Milied, li riċentament kienet tindaqq taħt id-direzzjoni tas-Surmast Charles Cachia. Huwa kkompona wkoll Beata Maria Vergine – Latania, Tantum Ergo, Immaculatae Conceptionis – Antifona, Lauda Sion, O Lord I Am Not Worthy, Pastorale per Santo Natale, Sacrament Most Holy, Sacrum Convivium u Sweet Heart of Jesus. Dawn il-manuskritti qegħdin merfugħin b’għożża kbira fl-arkivju tal-Għaqda Każin Banda San Filep. Dan is-saċerdot kien ukoll jidderieġi l-kor tal-qassisin li kienu jkantaw waqt il-quddies fil-kor tal-knisja wara l-artal maġġur. Fl-Epifanija ta’ kull sena, jiġifieri nhar is-6 ta’ Jannar, Dun Sander kien jitla’ fil-pulptu tal-knisja arċipretali u kien ikanta bil-Latin it-tħabbir tal-festi prinċipali ta’ matul is-sena akkademika. Matul il-Ġimgħa Mqaddsa, ir-rakkont tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu magħruf bħala l-‘passju’ kien ikantah Dun Sander bil-Latin. F’dawk iż-żminijiet il-quddies għall-mejtin kien isir f’forma ta’ kantata u jitqaddes fuq l-artal tal-erwieħ. Il-kant kien isir ukoll minn Dun Sander għax kellu vuċi tenorili tajba ħafna, li tgħaxxqek. Fl-1958 Dun Sander immużika ktieb għall-festa tal-Madonna tar-Rużarju, bl-isem Cantus Notis Gregorianis. Kien il-prokuratur tal-knisja ta’ dak iż-żmien Dun Salv Zammit li kien jiddettalu l-kant. Din il-mużika kien irregalaha lil Dun Luret Callus.

F’April ta’ kull sena Dun Sander u Pinu Zammit ‘Ta’ Germuda’ kienu jmorru għall-kaċċa tal-gamiem l-Imġarr kif ukoll il-Wardija. Hawnhekk fil-Wardija matul il-lejl kienu jorqdu fir-razzet ‘Ta’ Marjan’. Pinu Zammit kien iġorr il-gabjun, ix-xbiek u l-lasti bil-karettun sal-Imġarr u anke l-Wardija. Ta’ min isemmi wkoll li fil-bidu ta’ dan id-delizzju Dun Sander kien jisellef is-senter ta’ 6 millimeter mingħand Vestru Coliero ‘Ta’ Katambu’. Huwa kien ukoll dilettant ħafna tal-għasafar, summien u gamiem. Dun Sander kien ipejjep ’il fuq minn mitt sigarett kuljum, ġeneralment Players jew Camel u meta t-tifel Philip ta’ neputi tiegħu Joe kien imur jixtrilu s-sigaretti minngħand Mikiel Buhagar ‘Il-Bajla’ ta’ fejn Santu Rokku, Dun Sander dak iż-żmien kien jagħtih six pence (€0.06). Dal il-qassis kien jagħti wkoll l-lezzjonijiet tal-privat lill-istudenti tal-Ingliż u l-Matematika fid-dar tiegħu mingħajr ebda ħlas u kien ukoll wieħed miċ-ċampjins tal-biljard. Dak iż-żmien, peress li ma kienx hawn il-mezzi biex ikesħu l-ikel bħall-friġġ, fis-sajf kien iniżżel flixkun inbied u għanqud għeneb fil-barmil tal-bir u jżommu sa wiċċ l-ilma għal ftit sigħat biex ikun frisk. Fost ħutu kellu lill-Prokuratur Legali Alfred Zammit li kien joħroġ għall-politika mal-Partit ta’ Strickland. Dan huwa n-nannu ta’ Mons. Victor Zammit McKeon.

Dun Alexander Zammit McKeon inħatar President tal-Każin Banda San Filep mis-sena 1931 sas-sena 1939.

Dawn huma l-avvenimenti li seħħew matul is-snin li fihom Dun Alexander Zammit McKeon serva ta’ President:-

19/03/1931Dun Alexander Zammit McKeon inħatar President tal-Każin Banda San Filep (1931 – 1939).
11/05/1931Tkanta għall-ewwel darba l-Innu tal-Banda San Filep fuq mużika ta’ Mro Adeodato Gatt u versi tal-Professur Philip Farrugia.
24/05/1931Il-Banda San Filep ħadet sehem fil-korteo tal-Kungress li kien sar f’Ħaż-Żebbuġ minn Bieb De Rohan sa Misraħ San Filep. Kienu  ndaqqu l-Innu tal-Papa,  l-Innu tax-Xirka, Noi Vogliam Dio u Innu lill-Madonna ta’ Lourdes.
1932Inxtrat il-mejda tal-biljard u fil-Każin Banda San Filep bdew jiġu organizzati kompetizzjonijiet tal-biljard.
…./02/1933F’għeluq l-għaxar snin li l-Każin Banda San Filep kien ilu fid-dar preżenti, saret festa tal-kommemorazzjoni tal-Każin. Il-Banda San Filep esegwiet programm mużikali taħt id-direzzjoni ta’ Mro Adeodato Gatt.
09/05/1933Is-soċi tal-Għaqda Każin Banda San Filep bdew ħidma bla heda biex jinħadem l-armar tat-toroq ewlenin. Iżżanżnet l-istatwa ta’ San Filep qed jiskonġra u ntramat fuq l-istrippi quddiem il-Knisja tal-Anġli. Din inħadmet Għawdex mill-Komm Wistin Camilleri O.S.J., P.E.P. (Dan l-artisi ingħata l-titlu ta’ Kommendatur (grad ogħla minn Kavallier) mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann (O.S.J.). Bħala rikonoxximent għax-xogħol artistiku tiegħu, Wistin Camilleri ngħata wkoll l-unur Pro Ecclesia et Pontifice (P.E.P.)  mill-Papa Pawlu VI).
21/10/1934Il-Banda tal-Ammirall żaret lil Ħaż-Żebbuġ u għamlet servizz mużikali. Wara ntlaqgħet fil-Każin Banda San Filep fejn sarilha riċeviment.
12/12/1934Il-Każin Banda San Filep kien l-ewwel soċjetà soċjali li fis-sede tiegħu daħħal l-ewwel radju. Dan kien tat-tip Vincent Kind Radio Philco u kien sewa £45 jew €104.82. Għal dak iż-żmien, is-somma li ntefqet hi kkunsidrata kbira.
1934Il-Każin Banda San Filep kien minn tal-ewwel li fetaħ banka tal-lottu fuq inizjattiva li l-Gvern kien għamel biex dawn l-assoċjazzjonijiet jiġu megħjuna finanzjarjament.
04/05/1935Il-Banda San Filep iċċelebrat bil-kbir il-ġublew tal-fidda tal-Maestà Tiegħu r-Re Ġorġ V, bħala Re tal-Imperu Ingliż. Il-Banda San Filep ħadet sehem b’marċ u programm vokali u strumentali fil-Belt Valletta.
06/05/1935Sar programm mużikali f’Misraħ San Filep mill-ewwel battaljun ta’ Wellington, The Duke of Wellington Regiment. Wara, din il-banda ġiet mistiedna għalrepò fil-Każin Banda San Filep. Bejn id-21.15 u d-21.30 għaddew jittajru żewġ ajruplani mdawlin tat-tip Tutor minn fuq Ħaż-Żebbuġ. Il-pjazza kienet mixgħula bil-bozo z.
11/05/1935Fit-tmienja ta’ filgħaxija l-Banda San Filep taħt id-direzzjoni tas-surmast Direttur tal-Banda Mro Adeodato Gatt, esegwiet programm vokali u strumentali bis-sehem tal-kor tat-tfal tal-iskola primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ. Dakinhar indaqq għall-ewwel darba l-Omaggio alla Banda San Filippo fejn mal-ewwel battuti tiegħu, il-pjazza splodiet bil-briju, ħruq ta’ musketterija, sfafar u logħob tan-nar. Dan l-omaggio nkiteb għall-84 anniversarju tal-Banda San Filep  minn Mro Adeodato Gatt.
1935In-nies ta’ Ħal Dwin għamlu festa lill-Madonna tar-Rużarju li hemm fil-pjazza. Għal din l-okkażjoni l-Banda San Filep ġiet mistiedna biex tagħmel marċ minn ħdejn il-Knisja tal-Madonna tal-Anġli sa Ħal Dwin u wara sar programm mużikali. Ġie rregalat standard bl-arma ta’ De Rohan u tazza lill-Banda.
12/05/1936Il-Gvernatur ta’ Malta Sir Charles u Lady Bonham Carter żaru Ħaż-Żebbuġ u l-Każin Banda San Filep.
26/03/1937Miet Mro Salvatore Mallia fis-Siġġiewi. Is-Soċjetà Filarmonika San Filippo attendiet b’rappreżentanza kbira mill-kumitat,  bandisti u membri li ħadu magħhom il-bandalora tas-Soċjetà. Għaqdiet Mużikali oħrajn minn kull lokalità ta’ Malta kif ukoll mill-banda reġimentali tal-RMA kienu rappreżentati permezz ta’ sitta u tletin standard. Bosta kuruni  tal-ward akkumpanjaw ukoll it-tebut tal-mejjet surmast u l-isbaħ kuruna kienet dik li ngħatat minn wieħed tallab mill-Belt Valletta, li miegħu Salvatore Mallia kien ferm karitattiv.
08/05/1937L-istatwa ta’ San Filep qed jiskonġra bdiet tintrama fuq il-pedestall tagħha quddiem il-Coronation Bar fi Strada Reale. Dan il-pedestall inħadem mill-Imgħallem David Camilleri. Dam jintrama hawn sal-1966 għax wara beda jintrama quddien il-Każin Banda San Filep fi Triq Antonio Sciortino.
11/05/1937Il-Każin Banda San Filep iċċelebra bil-kbir l-inkurunazzjoni  tar-Re Ġorġ VI. Il-Każin iżżejjen u dawwal bid-dawl. Il-Banda San Filep esegwiet żewġ programmi mużikali, wieħed ġewwa l-Belt Valletta u l-ieħor f’Ħaż-Żebbuġ. F’din l-okkażjoni s-Soċjetà rregalat rigal lis-Surmast Carlo Diacono għall-mużika li pprovda lill-Banda San Filep minn żmien għal ieħor.
12/05/1937Il-festa ta’ San Filep ġiet transferita  minħabba l-inkurunazzjoni tar-Re Ġorġ VI. Il-Banda San Filep ħadet sehem fi sfilata fil-Belt Valletta.
17/09/1937Il-Każin Banda San Filep fakkar il-mitejn  sena mit-twelid tal-eroj Malti Dun Mikiel Xerri. Il-Banda San Filep esegwiet programm vokali u strumentali fejn indaqq l-Innu Popolari Lil Dun Mikiel  Xerri b’mużika tas-Surmast Carlo Diacono u b’versi ta’ Dun Karm Psaila. It-traskrizzjoni għall-banda kienet tas-Surmast Adeodato Gatt. Wara nkixfet lapida kommemorattiva mal-faċċata tar-residenza ta’ dan il-patrijott Malti f’Numru 4 fi Triq Dun Mikiel Xerri. Fil-kumitat organizzattiv kien hemm Dun Luret Callus u Dun Sander Zammit  McKeon, li dderieġa l-kor tat-tfal li kanta l-Innu Lil Dun Mikiel  Xerri.
07/09/1938Pawlu Tonna magħruf bħala z-Zlizz mis-Siġġiewi korra bin-nar waqt li kien qiegħed jaħdem għall-festa fil-kamra tan-nar ta’ San Filep u miet ftit jiem wara.
11/09/1938Dun Pawlin Galea ħa l-pussess tiegħu bħala Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ. Għal din l-okkażjoni nħarġet l-istatwa ta’ San Filep min-niċċa u żżejnet il-knisja. Il-Banda San Filep għamlet marċ li beda minn fuq iz-zuntier tal-knisja arċipretali.
18/09/1938Wara l-purċissjoni tal-Madonna tad-Duluri sar programm mużikali mill-Banda San Filep f’Misraħ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ.

Meta fl-1944 kienet se tingħata x-xabla tal-fidda lil Lord Gort, Dun Sander kien jgħallem il-kant tas-Sword of Honour, l-Innu tal-Banda, l-Innu Malti u God Save the King. Dan għaliex dawn kienu se jitkantaw fil-programm tal-okkażjoni fl-iskola. Għall-provi kien jattendi wkoll is-Surmast tal-Banda San Filep Adeodato Gatt kif ukoll Karmenu Coleiro li kien bandist prim bil-kurunetta mal-Banda San Filep u għalliem fl-istess skola tal-Gvern ta’ Ħaż-Żebbuġ. Dun Sander kien ukoll fil-kumitat organizzattiv tal-għoti tax-xabla lil Lord Gort.

Meta Dun Sander irtira minħabba l-età, kien ġab permess minngħand l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Mikiel Gonzi biex ikun jista’ jqaddes fid-dar tiegħu. Wara meta Dun Lawrenz Cachia sar qassis, kien imur iqarbnu d-dar tiegħu. Dun Sander ħalla din id-dinja fit-22 ta’ Ġunju tal-1959 fil-ħamsa u kwart ta’ filgħaxija, fl-għomor ta’ 77 sena u waqt l-agunija kien assistit minn Dun Filippo Gatt u Dun Giuseppe Caruana. Dun Sander kien imkeffen minn Ġuzeppi Seguna, dan għaliex meta darba Dun Sander kien il-Każin tal-Banda San Filep sema’ lil Ġużeppi jitkellem ħażin u dan il-qassis qallu li jekk jerġa’ jisimgħu, jitfgħu mill-gallarija għal isfel. Ġużeppi baqa’ jirrispettah sal-aħħar u għamel dan il-ġest. Dan is-saċerdot jinsab midfun fil-qabar tal-familja f’kompartament Ċ, № 51 fiċ-Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù f’Ħaż-Żebbuġ. Min jaf jekk forsi xi darba l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ isemmi triq għal Dun Alexander Zammit Mckeon, biex jibqa’ mfakkar fil-memorja?

Dun Sander meta laħaq qassis | Il-Kalċi | Il-Palla tal-Kalċi
Is-sopra Kalċi | Is-Santa ta’ meta sar saċerdot
Residenza Numru 303, Casa Rohan fi Strada Reale | Il-ktieb Cantus Notis Gregorianis
Il-Każin Banda San Filep fl-1933 | Il-Kumitat tal-Każin flimkien mal-Gvernatur Lord Gort fil-Ġonna ta’ San Anton
Il-pittura ta’ Dun Sander | Is-senter 6 mm li kien juża Dun Sander | Is-sigaretti li kien ipejjep
Is-santa tal-mewt | Il-qabar fejn jinsab jistrieħ Dun Sander

Referenzi:-

Tagħrif miġbur mingħand Mons. Victor Zammit McKeon, Dun Mario Sammut, Carmelo Chircop, Adriana Galea, Ġanni Zammit, Salvatore Chetcuti, John M. Cutajar, Alfred u Philip Zammit, Joe Axiaq u Joseph Buhagiar.

Każin Banda San Filep (2001). Il-Ġrajja tal-Każin Banda San Filep.

© Avvenimenti tal-Għaqda Każin Banda San Filep mill-1851 sal-2018.

Riċerka tal-Arkivista l-Kav. John Gafà © 29/06/2018

To top