Protest Ġudizzjarju mill-Għaqda Każin Banda San Filep lill-Banda De Rohan

Fl-ewwel paragrafu ta’ artiklu miktub mis-Segretarju tal-Każin San Ġużepp, Banda De Rohan li deher f’paġna 19 ta’ Leħen il-Kunsill Lokali, ħarġa ta’ Lulju 2010,inkiteb hekk “Kien fl-1860, li f’Ħaż-Żebbuġ twaqqfet l-ewwel banda fil-gżejjer Maltin u Għawdxin – il-Banda De Rohan.” Din il-pożizzjoni qed tiġi ripetuta fuq billboards u kartelluni kbar li l-Każin San Ġużepp, Banda De Rohan qiegħed ta’ kull sena jwaħħal fit-truf ta’ Ħaż-Żebbuġ u li jħallihom hemm għal xhur sħaħ anke wara li tkun għaddiet il-festa. Fl-2011 fil-pjazza sa waslu għamlu kartellun li jista jitqies offensiv, nġurjuż u nieqes minn kull prudenza. Kartellun maħsub li joħloq jew ikabbar firda minflok il-għaqda li suppost iġġib festa. Kartellun li ġibed fuq min għamlu l-istmerrija taż-Żebbuġin.

Parti mil-kontenut tal-protest ġudizzjarju
Parti mil-kontenut tal-protest ġudizzjarju

Jidher li meta fil-passat il-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851 żammet pass lura bl-intenzjoni li fir-raħal ma joħloqx disgwid, dan l-għaġir ġie miftiehem ħażin minn xi wħud li ħaduħ bħala sinjal ta’ djufija. Dan huwa l-bogħod mill-verità. Kien għalhekk li din is-sena l-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851 kienet kostretta tibdel it-tattika u tat żewġ sinjali qawwijja li l-fehma tagħha hija soda aktar minn qatt qabel u li ma hix lesta tħalli lil min iżeblaha.

Tul din il-kontroversja dwar il-bidu tal-baned f’Ħaż-Żebbuġ inkixfu dokumenti awtentiċi li jagħtu prova li l-Banda San Filep ilha almenu mill-1851 li bdiet tissemma b’isimha fl-arkivju tal-Parroċċa u li baqgħet kontinwament tiffunżjona sal-lum bl-istess isem.

Din il-verità li ilha ssostni l-Għaqda Każin Banda San Filep AD 1851, u li ġiet ikkomfermata mix-xhieda li kienu taw diversi xjuħ li kellhom nieshom imdaħħla fil-kumitat tal-bidu tal-Banda di San Filippo. Ħdejn id-dokumenti ma joqgħod xejn. U d-dokumenti juru ċar li l-Banda San Filep ilha kontinwament ħajja u attiva almenu sa mill-1851.

Min-naħa l-oħra ma tressaq l-ebda dokument li juri li l-Banda del Zebbug u wisq anqas il-Banda De Rohan kienet teżisti qabel l-1878. Inħossu li hija prużunzjoni kbira li fil-ktieb “Belt u Banda De Rohan” ippubblikat mill-Każin San Ġużepp, Banda De Rohan fl-2010 ġew injurati għal kollox dokumenti awtentiċi li jippruvaw l-eżistenz u l-ħidma tal-Banda di San Filippo u tas-soċjetà tagħha mill-1851 ‘il quddiem. Dan sar minħabba li dawn id-dokumenti kienu jwaqqgħu it-teżi li jridu jbellgħu lil poplu Żebbuġi. Fatti storiċi ma jinbidlux b’allegazzjonijiet kemm jekk isiru f’kitbiet inkella fuq kartelluni.

L-appell tagħna hu li waqt li nirrispettaw il-verità storika kif hija ppruvata mid-dokumenti, gġandna nżommu quddiem għajnejna li qabel ma nqisu ruħna ta’ każin jew ieħor, l-ewwel aħna lkoll Żebbuġin. Li jista’ jinbidel huwa biss kemm nifhmu u kif ninterpretaw it-tagħrif misjub. Għandna nagħtu importanza akbar lil fatt li Ħaż-Żebbuġ għandu jitqies bħala l-benniena tal-baned Maltin kif nafuhom illum. Ta’ dan għandna nkunu kburin bħala Żebbuġin u nfittxu li nkomplu nagħmlu unur lil beltna.

Aqra il-kontenut tal-protest ġudizzjarju

To top