Aspetti mill-Festa tal-2018

It-tħejjijiet għall-festa jsiru tul is-sena kollha imma jaqbdu rittmu aktar mgħaġġel tul ix-xahar ta’ Mejju. L-armar tat-toroq, il-kunċerti tal-banda, il-pubblikazzjoni tal-ktieb tal-festa, il-ġbir tar-riklami, l-programm tal-kompjuter għas-sinkronizzar tal-ħarqa tan-nar tal-ajru mal-mużika f’lejlet il-festa u aktar tard l-armar tal-arkata kbira fil-għalqa tal-ħruq, l-aħħar irtokki fuq xi rdieden ġodda, it-T-shirts ġodda li huma mfittxija ferm fi żmien il-festa, l-aħħar ftit coffee mornings u ikliet li minnhom jinġabru fondi bżonjużi, u r-radju tal-każin li jxandar is-sena kollha jaqleb fuq skeda speċjali, dejjem fuq 106.3FM. Wieħed jista’ jsegwi wkoll dak li jkun qed jiġri fil-pjazza tul is-sena kollha minn fuq l-internet billi jżur is-sit elettroniku www.bandasanfilep.com.mt.

  1. Bidu tal-Festa

Il-festa ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ bdejniha b’quddiesa fil-Knisja Arċipretali fl-10 ta’ Mejju fis-sehem tal-Banda taż-Żgħażagħ. L-għada fis-Sala Mayfair sar il-programm ta’ Jum l-Omm mill-Banda taż-Żgħażagħ u aljievi tal-iskola tal-mużika fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm. Imbagħad fit-12 ta’ Mejju, il-jum liturġiku tal-festa ta’ San Filep, mat-tokki tat-tmienja ta’ filgħodu u wkoll ta’ nofs inhar, il-Kamra tan-Nar San Filep ħabbret l-ftuħ tal-festa bil-ħruq ta’ murtali tal-bomba u tal-beraq. Filgħaxija wara ċ-ċerimonja tal-knisja, il-Banda San Filep permezz tal-marċi brijużi li daqqiet madwar it-toroq tax-xaqliba ta’ Ħal-Muxi kompliet tferraħ anke lil dawk li ma setgħux jingħaqdu ġewwa l-pjazza. Dan kien akkumpanjat minn programm ta’ murtali tal-bomba u oħrajn tal-kulur u bil-logħob, xogħol il-Kamra tan-Nar San Filep. Is-servizz tal-banda kompla b’marċ mimli briju quddiem is-sede tal-Każin Banda San Filep, marċ li għalih attendiet folla numeruża ta’ żgħażagħ. Dan intemm għall-ħabta tal-11:30pm.

  1. Purċissjoni ta’ San Filep mit-tfal

Il-Klabb Tfal tal-Istilla tal-Każin Banda San Filep reġa’ organizza l-purċissjoni tradizzjonali ta’ San Filep “iż-żgħir” nhar l-Erbgħa 30 ta’ Mejju 2018. F’dawn l-aħħar sentejn il-quddiesa ċċelebrata minn Fr Philip Cutajar ofm, direttur Spiritwali bdiet issir fuq iz-zuntier tal-kappella tal-Madonna tal-Anġli għax il-kappella saret żgħira għan-nies li jattendu. Fi tmiem il-quddiesa bdiet miexja l-purċissjoni bl-istatwa żgħira ta’ San Filep merfugħa mit-tfal u akkumpanjata minn tfal oħrajn iġorru bandalori kkuluriti kif ukoll minn għadd ta’ aljievi u bandisti żgħażagħ tal-Banda San Filep immexxija minn Mro Michael Ciantar, li daqqew tul it-triq tal-purċissjoni. Għaddiet minn Triq Sidtna tal-Anġli, Triq il-Kbira, daret ma Misraħ San Filep u ma parti minn Triq Antonio Sciortino. Fi tmiem il-purċissjoni, t-tfal kellhom festin fis-Sala Mayfair tal-Każin San Filep organizzat mill-Klabb Tfal tal-Istilla.

Din il-purċissjoni saret tradizzjoni li kienet issir fis-snin ħamsin minn partitarji tal-Każin Banda San Filep, meta kien jieħu ħsiebha Pinu n-Nekejjek u wara fis-snin tmenin dejjem tas-seklu għoxrin reġgħa taha l-ħajja l-mibki John Ciantar, meta kienet tibda mit-tarf ta’ Triq il-Madonna u tmur lejn Misraħ Ħal Dwin u Triq Kandlora, bis-sehem tal-Banda San Filep. Fl-2009 ġiet trasferita għal Triq il-Kbira minn ħdejn il-Kappella tad-Duluri, Misraħ San Filep u Triq Sciortino. Hawn żdiedu xi bandalori u saret statwa ġdida. Imbagħad fl-2014 bdiet issir mill-kappella tal-Anġli u tibda biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa mid-Direttur Spiritwali Fr Philip Cutajar ofm.

  1. Attivitajiet soċjali

Għal żmien il-festa bħas-soltu saru sensiela ta’ riċevimenti soċjali organizzati minn taqsimiet differenti tal-Għaqda Każin Banda San Filep:

  • Il-Ħadd 27 ta’ Mejju – riċeviment għall-benefatturi tan-nar tal-festa;
  • Il-Ħamis 31 ta’ Mejju – riċeviment għall-membri tal-Għaqda;
  • Is-Sibt 2 ta’ Ġunju – BBQ kbir fi Triq Sciortino mill-grupp tan-nar, bi spettaklu minn diversi kantanti u mill-komiku Joe Demicoli;
  • Il-Ħadd 3 ta’ Ġunju – riċeviment għall-membri tas-Sezzjoni Żgħażagħ;
  • It-Tnejn 4 ta’ Ġunju – riċeviment għall-benefatturi u mistednin speċjali tal-każin.
  1. Jum il-Ħruġ min-Niċċa – il-Ħadd 3 ta’ Ġunju

Filgħodu dilettanti tan-nar żaru l-kamra tan-nar ta’ San Filep biex jaraw in-nar ippreparat biex jinħaraq tul il-ġimgħa tal-festa. Din il-kamra taħdem biss għall-festa ta’ San Filep u hija l-unika f’Ħaż-Żebbuġ li ma taħdimx għan-negozju.

Filgħaxija Il-Banda San Filep sellmet ‘il-istatwa ta’ San Filep x’ħin din waslet quddiem il-bieb prinċipali tal-knisja waqt il-purċissjoni tal-ħruġ min-niċċa ġewwa l-knisja. Fi tmiem iċ-ċerimonja tal-knisja l-banda għamlet marċ minn fuq iz-zuntier għal Triq Sciortino u lura għal Misraħ San Filep. Kien hemm ukoll ħruq ta’ murtali tal-logħob u tal-kulur mill-kamra tan-nar ta’ San Filep.

  1. It-Tnejn 4 ta’ Ġunju, saret il-quddiesa għaż-żgħażagħ organizzata mill-parroċċa fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali, fejn żgħażagħ miż-żewġ Għaqdiet Bandistiċi Filippini Żebbuġin attendew bi ħġarhom.
  1. It-Tlieta 5 ta’ Ġunju

Il-Banda San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar, mistiedna tal-Banda San Filep għamlet marċ minn fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali, għadda mill-inħawi ta’ wara l-grawnd tal-futbol u niżel minn Triq Frans Sammut lura lejn Misraħ San Filep. Fi tmiem il-marċ kien hemm feature fuq skrin kbir imtella’ miż-żgħażagħ. Fil-pjazza intramaw l-umbrella mekkanizzata, il-bandalora l-kbira u l-imrewħa, kollha bil-ħidma taż-Żgħażagħ tal-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851.

  1. L-Erbgħa 6 ta’ Ġunju – l-ewwel jum tat-Tridu

Filgħaxija wara ċ-ċerimonja tal-knisja sar ħruq ta’ sfejjer, blalen, murtaletti, beraq kulurit, murtali tal-kulur u murtali tal-logħob mill-Kamra tan-Nar ta’ San Filep.

  1. Il-Ħamis 7 ta’ Ġunju – it-tieni jum tat-Tridu

Fi tmiem iċ-ċerimonja fil-knisja, il-Banda San Filep bdiet marċ minn fuq iz-zuntier għal Misraħ San Filep. F’nofs il-marċ, il-banda għamlet programm ta’ mużika popolari minn fuq il-planċier tagħha fil-pjazza li matulu pparteċipat The Red Heckled Pipe Band kif ukoll il-kantanti Albertine Abela u Kyle Cutajar. Il-preżentaturi kienu Marija Zerafa u Philip Edrick Zammit. Wara tkompla l-marċ minn quddiem il-Kappella tad-Duluri sal-Każin San Filep. Kien hemm ukoll ħruq ta’ nar tal-ajru mill-Kamra tan-nar San Filep u wara l-marċ kien hemm esebizzjoni ta’ nar tal-art mekkanizzat mill-istess Kamra tan-Nar.

  1. Il-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju – it-tielet jum tat-Tridu

Fil-11.30pm, f’Misraħ San Filep, il-Kamra tan-Nar ta’ San Filep tat esebizzjoni kbira u eċċellenti ta’ nar tal-art. Ta’ kull sena id-dilettanti tan-nar u l-pubbliku jkunu jistennew din il-wirja kbira mimlija xogħol mekkanizzat u artistiku. Għall-ewwel darba saret raddiena doppja b’taħlita ta’ nar u mekkaniżmi kkontrollati elettronikament u fl-istess ħin sinkronizzati ma mużika u kummentarju. Kienet spettakulari u ntogħġbot, anke jekk il-gassijiet tagħha nħarqu aċċidentalment qabel biss ma bdiet minħabba li xrar li tar minn raddiena oħra.

  1. Is-Sibt 9 ta’ Ġunju – lejlet il-festa

Fit-8.00pm il-Banda San Filep bdiet marċ minn ħdejn il-Bieb De Rohan li mexa tul Triq il-Kbira sal-pjazza. Immedjatament ma tmiem il-marċ is-Santa Marija Accordian Band bdiet programm qasir ta’ mużika bl-accordian minn fuq il-planċier. Din kienet l-ewwel darba li din il-banda immexxija minn Mro Marthese Busuttil Cassar kienet misteidna tieħu sehem fil-programm mużikali ta’ lejlet il-festa. Wara, il-Banda San Filep taħt id-direzzjoni ta’ Mro Richard Bugeja FLCM, FVCM, għamlet il-programm vokali u strumentali annwali tagħha minn fuq il-planċier fil-misraħ. Akkumpanjaw il-banda s-sopran Joan Mangion, il-baritonu Louis Andrew Cassar Louis, il-kor Mirabitur taħt id-direzzjoni ta’ Simone Attard u wkoll is-Santa Marija Accordian Band.

Mid-9.30pm ‘il quddiem il-Kamra tan-Nar ta’ San Filep tat spettaklu kbir ta’ logħob tan-nar tal-ajru, ħafna minnu sinkronizzat mal-mużika. Dan sar bil-ħidma tal-Grupp tan-nar flimkien mal-kumitat tal-IT tal-Għaqda. Parti min-nar inħaraq minn fuq arkata kbira li ntramat apposta fl-għalqa tal-ħruq – għat-tieni sena konsekuttiva. Dan l-ispettaklu bit-titlu ta’ Pyro Rhapsody, wkoll huwa segwit minn bosta dilettanti tan-nar li ħafna minnhom krew siġġu fi Triq Giovanni Pullicino sabiex igawduh bil-kumdita u mill-qrib – dejjem f’distanza skont il-liġi. Matul il-jum sar ukoll ħruq ta’ nar ta’ l-ajru filgħodu, waqt it-Te Deum u wara nofs inhar waqt it-Translazzjoni.

  1. Il-Ħadd 10 ta’ Ġunju – jum il-festa

Filgħodu, wara l-quddiesa solenni bil-paniġierku, il-Banda San Filep bdiet il-marċ brijuż ta’ filgħodu minn fuq iz-zuntier u għaddiet mill-inħawi tal-Gandlora u tal-Grazzja. Fit-Triq tal-Grazzja kienet mistiedna mit-Tabib Godfrey Farrugia MP għal riċeviment fil-Palazz madonna delle Grazie. Meta l-marċ wasal fil-pjazza, f’nofs inhar, hemm kien hemm ukoll il-Banda San Sebastjan ta’ Ħal-Qormi, misteidna mill-Għaqda Każin Banda San Filep. Minn hemm ‘il quddiem il-marċ inbidel f’wieħed Venezjan biż-żewġ baned idoqqu wara xulxin bla waqfien fost il-brijju tal-folla li ħonqot il-misraħ u t-toroq ta’ madwar. Fil-pjazza jkun hemm ukoll l-umbrella mekkanizzata u l-bandalora l-kbira, armati apposta miż-Żgħażagħ.

Filgħaxija, l-Banda Queen Victoria taż-Żurrieq mistiedna tal-Banda San Filep, laqgħet il-ħruġ tal-istatwa mill-knisja, kompliet tallegra l-folla fil-misraħ u reġgħet sellmet lill-istatwa meta għadiet minn quddiet il-każin waqt id-dħul. Il-Banda San Bartilmew ukoll mistiedna tal-Banda San Filep, l-ewwel laqgħet l-istatwa meta waslet ħdejn il-Kappella tad-Duluri, imbagħad daqqgħet fuq iz-zuntier meta l-istatwa kienet dieħla fil-knisja u wara li ntemmet iċ-ċerimonja fil-knisja bdiet il-marċ ta’ l-aħħar minn fuq iz-zuntier.

Tul il-purċissjoni kollha sar ħruq ta’ salut, kaxxa tal-ħruġ, murtaletti, murtali tal-logħob, murtali tal-kulur u kaxxa tal-kulur fid-dħul mis-St. Philip Fireworks Factory.

  1. L-Erbgħa 20 ta’ Ġunju

Fis-7.00pm saret quddiesa ta’ ringrazzjament organizzata mill-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851 fil-Knisja Parrokjali bħala għeluq tal-festa.

To top