Dun Luriet Callus (1897 – 1962)

Dun Luriet Callus (1897 – 1962)

Rev. Loreto Callus twieled Ħaż-Żebbuġ fit-3 ta’ Marzu 1897, minn Paul Callus u Theodora mwielda Vella. Huwa tgħammed l-għada fil-Parroċċa ta’ San Filep ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Loreto ħa l-ewwel edukazzjoni fl-iskola primarja tal-Gvern u wara mar is-Seminarju tal-Imdina fejn kompla l-istudji tiegħu għal saċerdot. Dun Luriet kellu żewġ ħutu oħra saċerdoti u t-tnejn kienu patrijiet Dumnikani – Patri Danjel u Patri Ugo. Patri Danjel Callus kien Professur tal-Iskrittura qabel il-Professur Pietru Pawl Saydon iżda mbagħad mar l-Ingilterra fl-Università ta’ Oxford u baqa’ hemm ħajtu kollha. Hemmhekk laħaq Professur tal-Istorja tal-Filosofija Medjevali u kien awtorità fis-suġġett. Patri Ugo Callus kien magħruf bħala wieħed mill-aħjar predikaturi ta’ Malta. Dun Luriet kellu ħuh ieħor, Gaetano, li kien negozjant tad-drappijiet u kien miżżewweġ lil Emy u kellhom tlett itfal.

Fil-21 ta’ Mejju 1921, Dun Loreto Callus laħaq sud-djaknu u fit-23 ta’ Lulju 1922, ġie ordnat saċerdot u qaddes l-ewwel quddiesa fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ. Wara ftit taż-żmien, l-Isqof Dom Mauro Caruana nnominah Viċi-Arċipriet ta’ dan ir-raħal. Meta fl-1948 l-Arċipriet Pawlinu Galea spiċċa minn Ħaż-Żebbuġ u mar il-Mosta, ħafna nies ħajru lil Dun Luriet japplika biex isir Arċipriet tar-raħal tagħna. Iżda għal xi raġuni, inħatar Arċipriet Dun Lawrenz Zammit mill-Birgu. Xi partitarji tal-Każin Banda San Filep bdew jipprotestaw quddiemu billi bdew jgħidu li huma mhux lilu xtaqu, imma lil Dun Luriet. Iżda l-kumitat tal-Każin malajr sewwa din il-biċċa billi delegazzjoni marret għand l-Arċipriet elett u qaltlu li l-partitarji ma kellhom xejn kontra tiegħu, iżda dak li sar kien biss minħabba l-istima kbira li n-nies kellhom lejn Dun Luriet.

Għal ħafna snin Dun Luriet kien il-qassis l-aktar magħruf u l-aktar maħbub fir-raħal. Dan għaliex għal madwar ħamsa u tletin sena huwa dam iservi bħala Viċi-Arċipriet u anke kellu ħafna kwalitajiet sbieħ, speċjalment iż-żelu għall-erwieħ. Fil-fatt Dun Luriet l-iżjed qassis li dam viċi fil-gżejjer Maltin. Huwa baqa’ msemmi b’mod speċjali għall-assistenza tiegħu mal-morda, l-aktar meta jaslu biex imutu. Dun Luriet ġieli dam sigħat sħaħ u anke ġranet jassisti lil dawn il-moribondi biex jgħinhom jgħaddu l-aħħar sigħat tal-agunija u jqarribhom lejn il-Mulej.

Fi żmien Dun Luriet, il-vjatku tal-moribondi kien jittieħed f’forma ta’ proċessjoni solenni bħalma kiteb il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila fil-poeżija Il-Vjatku. Kull filgħodu, għall-ħabta tas-sitta u nofs, kont tara lil Dun Luriet għaddej bil-vjatku privat biex iqarben lill-morda li ma kinux jistgħu jmorru l-knisja. Meta jkun se joħroġ il-vjatku għal xi moribond, is-sagristan kien idoqq il-qanpiena l-kbira tal-Knisja Arċipretali tliet tokki għal xi ħmistax-il darba għan-nies komuni. Meta l-moribond ikun qassis, kien idoqq ħames tokki. Il-vjatku ħafna drabi kien joħroġ matul il-lejl kif ukoll bi nhar, fis-sajf u fix-xitwa, bnazzi jew maltemp. Matul it-triq kien jitkanta l-Miserere (Salm № 51 ta’ David) hu u sejjer, u t-Te Deum hu u ġej mingħand il-moribond bħala ringrazzjament. Wara l-kant kien jingħad ir-Rużarju u kif il-purċissjoni tal-vjatku tidħol fil-Knisja, kienet tingħata l-Barka Sagramentali.

Ħafna drabi quddiem il-bieb ta’ barra tal-moribond u fit-triq kienu jferrxu l-weraq tas-siġar tal-larinġ jew tal-lumi. Minn fejn kien jgħaddi l-vjatku matul il-lejl, in-nies kienu jixegħlu l-lampi tal-pitrolju fit-tieqa jew fuq l-għatba tal-bieb ta’ barra tad-djar, u min ikollu gallerija kien jixgħel il-fanal ta’ taħtha. Meta l-qassis kien jidħol fid-dar biex iqarben il-moribond u jagħmillu l-Griżma tal-Morda, in-nies li kienu jakkumpanjaw il-vjatku kienu jitolbu r-reċita tal-litanija u joqogħdu għarkopptejhom. Ta’ min isemmi li waqt il-purċissjoni tal-vjatku, in-nisa kienu jattendu sal-Ave Maria ta’ filgħaxija imma l-irġiel kienu jibqgħu matul il-lejl kollu. F’dawk iż-żminijiet it-toroq kienu mingħajr asfalt allura kull min kien jieħu sehem fil-purċissjoni tal-vjatku fil-jiem tal-maltemp kien ikollu jimxi u jgħaffeġ fl-ilma u t-tajn. Fi żmien il-gwerra, in-numru tal-morda kien żdied ħafna u l-purċissjoni tal-vjatku kont taraha f’kull ħin. Fil-fatt, l-awtoritajiet kienu taw steel helmet lil Dun Luriet biex ikun jista’ jkompli jaqdi d-dmirijiet tiegħu.

Għall-ħabta tal-1938, inqala’ aċċident waqt li kienet għaddejja l-purċissjoni solenni tal-vjatku fil-pjazza. Dan għaliex sewwieq ta’ karozza kien se jibqa’ dieħel fuq in-nies li kienu qegħdin jieħdu sehem fil-purċissjoni. Meta Dun Luriet ra li kienet se tinqala’ traġedja, beda jgħajjat kemm jiflaħ biex ix-xufier jieqaf. Uħud min-nies li naf li kienu jieħdu sehem mal-purċissjoni tal-vjatku kienu Karmenu Galea bil-bandiera; Tarcisio Mifsud li kien abbati, kien ikun ħdejh idoqq il-qanpiena ż-żgħira; Ġanni Zammit, John M. Cutajar, Philip Agius, Peter Micallef, Ġużeppi Bugeja, Pawlu Axiaq, John Borg u Matti Attard kienu jżommu l-fanali; Carmelo Chircop kien iżomm is-sasla tal-ilma mbierek; Leone Chircop bil-ġilandra; Joe Axiaq bl-umbrella; Joe Borg biċ-ċensier u naturalment Dun Luriet bis-Sagrament. Kien ikun hemm ukoll erba’ lanterni merfugħin mill-abbatini u ħafna nies oħrajn. Membru ieħor li kien jieħu sehem mal-purċissjoni tal-vjatku b’mod regolari kien Ġanni Dimech magħruf bħala l- Papa. Darba Dun Luriet qallu “Alla jrid jiftaħ il-bieb tal-Ġenna għalik għax dejjem ħadt sehem fil-purċissjoni tal-vjatku!”

Meta l-vjatku kien joħroġ għal xi qassis, il-qanpiena kienet tkun akbar, jiġifieri dik li tintuża l-Ħadd filgħodu fil-quddiesa kantata f’jum San Filep. Kien ikun hemm ukoll abbati jew fratell jerfa’ s-salib, minflok l-umbrella kien ikun hemm il-baldakkin merfugħ minn erba’ qassisin, u s-sagrament kien jaministrah l-Arċipriet. Kull sena, il-Ħadd ta’ fuq l-Għid il-Kbir kien joħroġ il-vjatku solenni bl-istendard aħmar tas-Sagrament, bil-qanpiena l-kbira, bis-salib u bil-baldakkin. Dakinhar is-sagrament kien jaministrah ukoll l-Arċipriet, sabiex iqarben lill-morda kollha tar-raħal u hekk ikun qed jitwettaq wieħed mill-preċetti tal-knisja. Il-purċissjoni kienet iddum sejra n-nofstanhar kollu ta’ filgħodu.

Dun Luriet kien iżewweġ lill-maġġoranza tal-kopji Żebbuġin u kien anke jgħammed lit-trabi. F’dak iż-żmien il-festini kienu jsiru fid-djar u sintendi Dun Luriet kien jattendi wkoll għal dawn il-festini. Huwa kien il-kappillan tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Dar San Ġużepp f’Misraħ l-Isptar f’Ħaż-Żebbuġ kif ukoll terzjarju attiv ta’ San Duminku. Ta’ kull filgħaxija huwa kien jagħti l-Barka Sagramentali fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ u nhar ta’ Ħamis kien jagħmel siegħa adorazzjoni fl-istess knisja. Dun Luriet kien ukoll inkarigat mis-superviżjoni tal-personaġġi u tar-reffiegħa tal-vari waqt il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, speċjalment fejn il-Vara l-Kbira. Huwa kien saċerdot attiv u kien jaqdi l-missjoni tiegħu bl-akbar ħeġġa. Fl-13 ta’ Settembru 1956, il-Papa Piju XII onorah bil-midalja P.E.P. (Pro Ecclesia et Pontifice), bħala ringrazzjament tax-xogħol li kien qiegħed iwettaq, u l-Arċisqof Mikiel Gonzi ppreżentahielu ftit tal-jiem wara.

Minbarra d-devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristja, Dun Luriet kellu wkoll devozzjoni kbira lejn San Filep u lejn il-Madonna tar-Rużarju. Dam snin twal iservi ta’ prokuratur tal-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju. Dan il-qassis kien ġab ħafna ’l quddiem il-festa tar-Rużarju u d-devozzjoni lejn din it-talba tal-Madonna, li tant kien iħobb1. Fil-fatt, fi żmien Dun Luriet żdied ħafna n-numru tal-fratelli. Fis-snin ħamsin kienu saru sitt gandlieri tal-fidda għall-artal tar-Rużarju bit-tħabrik tiegħu. Tnejn minnhom tħallsu minn Dun Alexander Zammit McKeon. Id-disinn ta’ dawn il-gandlieri kkupjah Karmenu Chircop minn fuq gandlieri tal-injam antiki, li wkoll kienu jintużaw fuq l-artal tal-Madonna tar-Rużarju. Ta’ min isemmi wkoll li Dun Alexander Zammit McKeon kien ikkompona l-Cantico tal-festa tal-Madonna tar-Rużarju u rregalah lil Dun Luriet.

Ħmistax-il Sibt qabel il-festa tar-Rużarju Dun Luriet kien jiċċelebra quddiesa fuq l-artal tar-Rużarju u kien jingħad ir-Rużarju kuntemplattiv, jiġifieri kienet issir meditazzjoni dwar kull misteru tar-Rużarju kif ukoll prietki addattati. Ġimgħa qabel il-festa kien jorganizza eżerċizzi fit-tlieta ta’ wara nofsinhar għan-nisa u fis-sitta ta’ filgħaxija għall-irġiel. Lejlet il-festa kien ikun hemm konfessuri barrannin għall-qrar u l-Ħadd kien jitqarben kulħadd. Filgħaxija kien isir l-għasar bil-mużika tas-Surmast Carlo Diacono u wara toħroġ il-purċissjoni bl-istatwa. Waqt din il-festa, fuq il-kampnari kienu jittellgħu żewġ bnadar ta’ lewn ikħal bl-emblema rrakmata tal-Ave Maria. Fiż-żmien tal-festa, Dun Luriet kien ipoġġi qalb fuq l-artal biex il-pubbliku jitfa’ l-grazzji bil-miktub fiha. Wara l-festa kien jaħraq il-karti kollha fuq iz-zuntier. Fil-5 ta’ Ottubru 1947, kienet saret il-festa tal-Madonna tar-Rużarju u f’dik is sena, Dun Luriet għalaq ħamsa u għoxrin sena minn meta kien ordnat qassis. Ta min jied ukoll li Dun Luruet ried jinkuruna lill-Madonna u lill-Bambin tal-inkwadru tal-Madonna tar-Rużarju fil-knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Opra li saret għall-festa tal-Madonna tar-rużarju tas-sena 1961, kienet bradella sabiħa maħduma miż-Żebbuġi Ġanni Bonello. Iżda ġara li fl-1 ta’ Ottubru 1961, waqt li kienet ħierġa l-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju, għal xi raġuni l-istatwa waqgħet minn fuq il-bradella. Il-biċċiet miksura tpoġġew fuq l-artal tal-Madonna taċ-Ċintura u d-deheb li kienet imlibbsa l-Madonna ġabru Karmenu Chircop. Meta Dun Luriet ra din it-traġedja, beda jibki, jolfoq, jagħti kemm jiflaħ fuq rasu kemm u nkwieta ħafna. Din it-tbaqbiqa tagħtu ġewwa wisq!

Tajjeb li wieħed jgħid li minħabba l-invażjoni tal-Ġermaniżi fi żmien il-gwerra, l-Arċipriet Dun Pawlin Galea, il-prokuratur tal-Knisja Dun Salv Zammit, is-sagristan maġġur Dun Anton Galea, is-sagristani Ġużeppi Bonnici u Ġużeppi Farrugia, kif ukoll l-imgħallem Pinu Cilia magħruf bħala Ta’ Xtajla, intrabtu b’ġurament biex ma jitkellmux fejn kienu ħbew l-istatwa ta’ San Filep għaliex huma ħbewha fil-kantina ta’ taħt is-sagristija. Sakemm saret din l-operazzjoni ħiemda, il-Viċi Arċipriet Dun Loreto Callus, mar il-Knisja sabiex iġib iż-żejt tal-Ġriżma u l-vjatku. Iżda huwa sab il-knisja magħluqa. Għalhekk dar mill-bieb ta’ wara, imma għalkemm kellu ċ-ċavetta ma setax jiftaħ għax kien hemm l-istanga. Beda jħabbat b’saħħtu kollha mal-bieb iżda ma fetaħ ħadd. Għalhekk beda jgerger mat-triq u mar iġib is-Sagrament mill-Kappella tas-Sorijiet. Meta wara qal lil Dun Anton Galea li sab il-Knisja magħluqa, dan ma wieġbu xejn.
Fi żmien il-gwerra, ta’ kull filgħaxija hekk kif ikun se jibda jidlam, Dun Karm Psaila kien jidħol fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ biex jagħmel viżta lis-Sagrament u jgħid ir-Rużarju. Dak il-ħin Dun Luriet kien jieħu s-Santissmu Sagrament mill-artal maġġur u jqiegħdu ġo daħla li kien hemm fil-kuritur tas-sagristija. Il-ħsieb kien li jekk allaħares qatt tinżel bomba fuq il-knisja, is-Sagrament ma jintlaqatx. Dan għaliex il-post li qed insemmi kien xi ftit aktar sod għax kien fl-imramma tal-ħitan ħoxnin tal-knisja. Ma kienx eżattament xelter, imma dejjem kien post aktar kenni minn taħt il-koppla. Meta Dun Karm Psalia kien jara lil Dun Luriet iġorr is-Sagrament lejn dik it-toqba, kien jstħajjel lil Ġesù dieħel fix-xelter tiegħu. Dan l-episodju ġieġħel lil Dun Karm jikteb poeżija sunett2.

Minn ftit wara li qaddes, Dun Loreto Callus kellu r-rwol ta’ Direttur Spiritwali tal-Każin Banda San Filep. Fil-fatt, huwa kien jieħu ħsieb l-eżerċizzi tar-Randan għall-membri tal-każin kif ukoll kien iġib is-saċerdoti għall-qrar. Wara, huwa nħatar membru fil-kumitat tal-istess Għaqda. Nhar is-26 ta’ Settembru 1937, saret it-tifkira tat-tieni ċentinarju mit-twelied tal-kbir patrijott Żebbuġi Dun Mikiel Xerri u f’dak iż-żmien, Dun Luriet kien ukoll membru fil-kumitat organizzativ taċ-ċerimonja ta’ din it-tifkira. Dun Luriet inħatar President tal-Każin Banda San Filep bejn is-snin 1939 u 1944. F’dawn is-snin huwa baqa’ jaqdi r-rwol ta’ Direttur Spiritwali tal-Għaqda.

Dun Luret Callus inħatar President tal-Każin Banda San Filep mis-sena 1939 u dam sas-sena 1944.

Dawn huma l-avvenimenti li seħħew matul is-snin li fihom Dun Luret Callus serva ta’ President:-

07/05/1939Minn ħruġ tal-Istatwa ta’ San Filep min-niċċa sa jum il-festa, il-Banda San Filep għamlet is-servizzi miżikali tagħha. Ġimgħa wara l-festa ġie ntrodott il-Black Out minn ħabba l-gwerra.
1940Dun Karm Psaila nħatar President Onorarju tal-Każin Banda San Filep u rregala kwadru b’ritratt tiegħu lill-istess Każin. Dan ir-riratt ta’ Dun Karm kien irregalah meta laħaq Monsinjur u jġib il-ferma tiegħu.
28/01/1940Sar it-tiġdid f’għeluq il-ħdax-il sena  mill-konsagrazzjoni tal-każin lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Saret quddiesa kkonċelebrata minn Mons. Salvatore Milanesi u l-Arċipriet Pawlin Galea.
28/01/1940Inxtara l-bini tas-sede preżenti tal-Każin Banda San Filep, jiġifieri Numru 12, fʼMisraħ San Filep bil-prezz ta’ ₤1050 jew €2446. Il-kuntratt sar quddiem in-Nutar Dr George Borg Olivier. Il-President Dun Luriet Callus u s-Segretarju Paolo Zammit iffirmaw il-kuntratt. Ix-xhieda kienu Mons. Salvatore Milanesi u l-Arċipriet Pawlin Galea. Wara nkixfet lapida ta’ tifkira minn Dun Luriet Callus.   Il-kliem ta’ fuqha nkiteb mill-President Onorarju Mons. Karmelo Psaila. Sar programm mużikali u ndaqq ukoll l-Innu tal-Banda akkumpanjat mill-kor tat-tfal, taħt id-direzzjoni ta’ Mro Adeodato  Gatt. Kien ingħata standard Franċiż mill-membri tal-każin. Kien irregalaw standard Franċiż u tazza tal-fidda mill-membri tal-każin.
29/01/1940Il-Gvervatur, il-Ġeneral Sir Charles Bonham Carter, żar il-Każin Banda San Filep.
15/05/1940Lieutenant-General Sir William George Shedden Dobbie żar ir-raħal, lill-Arċipriet u l-Każin Banda San Filep.
15/09/1940Il-Banda San Filep tellgħet programm mużikali fil-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Adeodato Gatt għall-okkażżjoni tal-festa tad-Duluri.
1940 – 1943Ir-riġment tal-voluntieri taʼ Ħaż-Żebbuġ fit-Tieni Gwerra Dinjija. Dan ir-ritratt meħud quddiem id-daħla ewlenija tal-Każin Banda San Filep. Is-Surmast tal-Banda Adeodato Gatt fl-4 taʼ April tal-1940 ikkompona l-innu marċ Lir-Reġiment tal-Voluntiera.
1940 – 1947Il-bini tal-Każin Banda San Filep laqa’ numru ta’ refuġjati tat-Tieni Gwerra Dinjija, serva bħala uffiċċju amministrattiv u anke bħala maħżen tal-għodda tal-baqquniera tax-xelters. Taħt il-bini tal-każin kien  tħaffer xelter b’disat ikmamar żgħar li kien  jilqa’ fih lil dawk li kienu jgħixu qrib il-każin. Carmelo Muscat hu l-iżjed wieħed anzjan.
16/09/1941B’inizjattiva tal-Każin Banda San Filep indaqqet ritirata (Fanfara) f’Misraħ San Filep mill-fifri u tamburlini u wara, il-mużiċisti kellhom bibita fil-Każin Banda San Filep.
08/08/1942Banda żgħira Ngliża għamlet programm f’Misraħ San Filep. Wara sar riċeviment fil-Każin Banda San Filep u ġiet ippreżentata tazza tal-fidda lill-Għaqda.
23/04/1943Il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ma saritx iżda saret biss dawra qasira bil-Monument. Sar programm ta’ Marċi Funebri fil-pjazza mill-Banda San Filep.
09/05 sa 16/05/1943Il-festa ta’ San Filep ġiet iċċelebrata kemm ġewwa l-Knisja kif ukoll barra. L-Istatwa ta’ San Filep ġiet maħruġa mill-moħba fejn kienet mirfugħa. Mall-Banda San Filep ħadu sehem ukoll il-Baned:- Konti Ruġġieru tar-Rabat, Kingʼs Own tal-Belt Valletta u tal-West Kent tal-Ingilterra. Il-Festa ta’ San Filep bdiet isir fl-ewwel Ħadd ta’ wara t-12 ta’ Mejju.
26/07/1943Intbagħtet ittra minn Rev. Loreto Callus, Prof. Philip Farrugia u Paul Zammit fʼisem il-Każin Banda San Filep lil Lord John Standish Gort biex ikun mistieden għall-għoti tax-xabla tal-unur. Il-moħħ ewlieni kien il-Prof. Philip Farrugia.
29/07/1943Intbagħtet ittra minn Lord John Gort lill-Każin Banda San Filep fejn wieġeb u laqà l-istedina. “Ħalluni ngħid mill-ewwel kemm ħassejtni onorat bl-ittra u stedina tagħkom għan-nom tal-baned, każini u għaqdiet taʼ Malta u Għawdex. Hija xorti li tmiss lil ftit nies li tiġi mitlub li taċċeta Sword of Honour u  nħossni kburi li naċċetta l-offerta ġeneruza tagħkom billi nifhem li dan huwa kumpliment speċjali minn poplu taʼ qalb kbira.” eċċ. eċċ.
19/09/1943Fil-għodu l-Banda San Filep għamlet marċ ma-toroq ta’ Ħaż-Żebbuġ biex tiċeleba r-rebħa fuq l-Italja.
28/11/1943Sar programm mużikali mill-Banda San Filep. Ħadu sehem ukoll l-iscouts permezz ta’ attività sportiva. Kellha ssir ukoll tombla iżda tħassret minħabba l-maltemp.

Kien l-aċċident tal-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju li wassal lil Dun Luriet Callus fi tmiem ħajtu. Huwa kien ilu rikoverat fl-isptar San Luqa għal madwar għaxart ijiem. Wara li rċieva l-aħħar sagramenti, huwa ħalla dan il-wied tad-dmugħ fis-7 ta’ Awwissu 1962, fis-sitta ta’ filgħaxija, fl-għomor ta’ ħamsa u sittin sena. Ġurnata qabel il-funeral, huwa tpoġġa fil-kappella tal-Lunzjata għall-qima tal-poplu Żebbuġi. L-għada filgħaxija sar il-funeral u akkumpanjawh il-President, il-kumitat u l-membri tal-Każin Banda San Filep, kif ukoll il-banda taħt id-direzzjoni ta’ Mro Adeodato Gatt. Fit-testment Dun Luriet kiteb li t-tebut tiegħu għandu jkun tal-injam abjad, u miksi bid-drapp iswed u bil-gallun abjad, u hekk sar. Huwa jinsab jistrieħ fil-qabar tal-familja, kompartament Ċ, № 6, fiċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesu f’Ħaż-Żebbuġ. Ta’ min isemmi li l-ewwel monument li sar fiċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù hu tal-qabar tal-familja Callus. Dun Luriet kien għamel dan il-monument biex iħajjar liż-Żebbuġin ikomplu jsebbħu dan iċ-ċimiterju b’dawn l-oġġetti sagri.

Fl-20 ta’ Ottubru 1982, is-Surmast Michael Ciantar ikkompona marċ funebru u semmieh In Memory of Rev. Loreto Callus. Dan il-marċ jindaqq mill-Banda San Filep meta tieħu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u f’xi funeral. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ u l-Gvern taw ġieħ lill-qassis ħabrieki u maħbub Dun Luriet Callus għax semmew triq għalih f’Ħaż-Żebbuġ, li tinsab fiż-żona ta’ Ħal Mula. Fil-festa ta’ San Filep tas-sena l-oħra żżanżnet il-bandiera uffiċċjali tal-Għaqda Każin Banda San Filep, li fuqha tidher l-emblema tal-kunjom Callus. Din saret bħala tifkira dejjiema ta’ Dun Luriet Callus. Ta’ min jgħid li fil-kopletta tan-niċċa ta’ San Filep hemm impittra l-figura ta’ Rev. Loreto Callus.

Illum il-ġurnata, meta tistaqsi liż-Żebbuġin dwar Dun Luriet Callus, jgħidulek li meta kienu tfal, kienu jmorru jqerru għandu. Malli jgħidulu n-nuqqaijiet, hu kien iġebbdilhom widnejhom jew il-barbetti. Madankollu, kulħadd isemmi kemm kien qassis twajjeb u maħbub!

Il-Każin Banda San Filep fl-1940 | Il-lapida ta’ meta nxtara l-bini tas-sede preżenti tal-każin fl-1940 | Il-lapida ta’ meta ġiet ippreżentata x-xabla tal-unur lil Lord Gort
Il-wasla ta’ Lord Gort | Lord Gort f’Misraħ San Filep
Il-preżentazzjoni tax-xabla tal-unur lil Lord Gort fl-1944 | Il-Kumitat tal-Każin flimkien mal-Gvernatur Lord Gort fil-Ġonna ta’ San Anton
Il-ktieb u l-programm mużikali taċ-ċerimonja tal-għoti tax-xabla tal-unur lil Lord Gort fl-1944 | Ir-residenza №7 fi Triq id-Dejqa, fejn kien joqgħod Dun Luriet Callus
Dun Luriet Callus (l-ewwel wieħed mil-lemin) ma’ Dun Philip Gatt (it-tieni wieħed mix-xellug) meta dan sar qassis fl-1956 | Dun Luriet Callus qed jagħti l-Barka Sagramentali waqt il-purċesjoni tal-Qalb ta’ Ġesu fuq it-trbuna fl-1937, f’ pjazza Sant Antnin Ħaż-Żebbuġ
L-artal tal-Madonna tar Rużarju kif inhu llum, fejn ħafna drabi kien iqaddes Dun Luriet | Fratelanza tar-Ruzarju fl-1925 | Dun Luriet Callus impitter fil-kopletta ta’ fuq in-niċċa ta’ San Filep
Santi li juru l-ħamsa u għoxrin sena mill-ordinazzjoni saċerdotali ta’ Dun Luriet Callus
Is-santa tal-mewt, il-funeral u l-qabar ta’ Dun Loreto Callus
Oġġetti li kienu jintużaw waqt il-purċissjoni tal-vjatku: Standard | Qanpiena | Fanal | Ġilandra | Pissidi | Umbrella
Irħama kommemorattiva fil-Każin Banda San Filep li tagħti ġieħ lil Dun Luriet Callus | Plakka li turi li f’Ħaż-Żebbuġ hawn triq imsemmija għal Dun Luriet | Il-mużika tal-marċ funebru ddedikat lil Dun Luriet Callus
Il-Papa Piju XII | Il- P.E.P. (Pro Ecclesia et Pontifice)

Referenzi:-

Vella, Luret. (1986). Storja ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Cachia, Mons. Lawrenz. (2011). Dun Karm, Il-Ħajja tal-Poeta Nazzjonali.

Każin Banda San Filep (2001). Il-Ġrajja tal-Każin Banda San Filep.

Tagħrif ieħor inġabar mingħand Mons. Lawrenz Cachia, Dun Daniel Cardona, Dun Mario Sammut, Joe u Pawlu Axiaq, Salvatore Chetcuti, Philip Agius, Alfred Camilleri Cauchi, John M. Cutajar, Carmelo Chircop, Lorenzo Zahra, Francis Psaila, Michael Bonnici, Ġanni Zammit, Karmenu u Adreana Galea, Karmenu Borg, Ġuzeppi Buhagiar , Ninu Dimech u Ugo Callus.

© Avvenimenti tal-Għaqda Każin Banda San Filep mill-1851 sal-2018.

Riċerka tal-Arkivista l-Kav. John Gafà © 29/06/2018

To top