Is-Sur Carmelo Zammit (1847 – 1911)

 

Is-Sur Carmelo Zammit

Is-Sur Carmelo Zammit twieled fil-15 ta’ Lulju, 1847 f’Ħaż-Żebbuġ minn Salvatore u Margerita mwielda Borg. Għammduh dak in-nhar stess fil-Parroċċa ta’ San Filep ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Il-parini kienu Salvatore Schembri u Rosa Zammit. Huwa kien magħruf bħala Ta’ Xafrin u kien jgħix fid-dar № 3 fi Triq Manoel. Carmelo kien negozzjant kbir tal-qoton u kellu ’l fuq minn mitejn ħaddiem jaħdmu f’dan ix-xogħol. Miegħu kienu jaħdmu xi Għawdxin u minflok jagħtihom il-paga, Carmelo kien jipprovdilhom post fejn jorqdu u jagħtihom l-ikel b’xejn. Antonio Callus kien għamel wegħda ma Santa Agata li jagħmlila statwa. Dan għax it-tifla tiegħu Rosarija kienet korriet fil-magna tal-għaġin ta’ l-istess propretarju Antonio. Carmelo kien ta somma flus lil Antonio Callus biex issir statwa ta’ Sant’ Agata (patruna tas-sider peress li l-martirju tagħha kien il-qtuħ tas-sider) għall-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Fil-fatt din saret fl-1895 mill-istatwarju Vincenzo Cremona.
Carmelo Zammit serva bħala President tal-Filarmonika San Filippo bejn is-snin 1895 u 1900 u bejn l-1908 u l-1911. Bejn l-1857 u l-1885 il-Banda San Filippo kienet tagħmel il-kunċerti fir-residenza tiegħu. Dan ġara għax il-banda kienet kibret fin-numru ta’ bandisti u l-każin kien sar żgħir għaliha. Carmelo kien benefattur kbir tal-Filarmonika San Filippo tant li kien iħallas l-ispejjeż kollha tal-banda. Ta’ min isemmi li meta xi bandist kien ikollu tarbija, Carmelo kien jagħtih ₤3 (€7) bħala rigal.1 Insibu li fl-20 ta’ Novembru 1896, il-President kien ħallas is-somma ta’ 10/- (għaxar xelini) (€1.16) lil Bartolomeo Casha biex xtara mejda tal-kawba għall-Casino San Filippo (ara rċevuta A). Hemm dokumentat ukoll li fil-15 ta’ Mejju 1902, il-Maestro di Cappella Ricardo Bugeja ffirma rċevuta għall-ħlas ta’ ₤13.19s (€32.49) li kien irċieva mingħand in-negozjant Carmelo Zammit, għad-daqq ta’ mużika esegwita waqt il-festa ta’ San Filep fil-Knisja Parrokjali ta’ Ħaż-Żebbuġ (ara rċevuta B). Fit-3 ta Ġunju 1906, Carmelo Zammit kien ħallas lil Francesco Galea s-somma ta’ ₤9.06s (€21.66) li kienet tinkludi x-xogħol u l-ispejjeż tal-materjal, biex saru wieħed u tletin uniformi għall-bandisti tal-Banda San Filippo (ara rċevuta C).

Carmelo ġieli wkoll kien jibgħat ’il-bandisti għand il-ħajjat Felic Agius (Tat-Twil). B’inizjattiva tal-President Carmelo Zammit u l-membri tal-Kumitat tal-Filarmonika San Filippo, l-aħwa Żaren u Filippo Felici (Ta’ Faruni) li kienu negozzjanti tal-inbid u li kellhom il-fabbrika biswit il-Knisja tal-Anġli, pprovdew ir-residenza № 290, Strada Reale, Ħaż-Żebbuġ, lis-Surmast Taljan Angelo Melilli biex jiġi joqgħod fiha flimkien mal-familja tiegħu. Qabel, dan is-Surmast kien joqgħod fid-dar № 69, Strada Bongiorno, Bormla.
Mill-Arkivju tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, mir-reġistru tal-ħruġ tal-Konfratellanza tal-Madonna taħt it-titolu tal-Duluri, insibu miktub li Carmelo Zammit kien jitħallas għan-nom tal-Banda San Filippo li kienet tieħu sehem fil-festa tal-Madonna tad-Duluri.

22/03/1896Sar meeting kolossali fuq il-fosos tal-Furjana bħala protesta kontra x-xewqa tal-gvern biex idaħħal iż-żwieġ ċivili. Wara l-meeting saret dimostrazzjoni mill-fosos tal-Furjana sal-Palazz tal-Isqof bʼturija taʼ rispet u solidarjeta mal-Kap spiritwali Mons. Pietro Pace l-Arċisqof taʼ Malta. Il-Filarmonica San Filippo flimkien mal-baned oħra ħadet sehem fʼdin  isfilata ta’ protesta organizzata mill-Awtorità Ekkleżjastika. L-Arċipriet kien Dun Luigi Attard mill-Belt Vallatta (1891 – 1904).
23/05/1896Is-Soċjetà Filarmonika San Filippo ħadet sehem fil-festa tal-Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba. Dak iż-żmien f’din il-lokalità każin wieħed kien hemm u dan kien jorganizza ż-żewġ festi: ta’ Santa Marija u tal-Madonna tal-Ġilju.
20/06/1897Is-Soċjetà Filarmonika San Filippo ħadet sehem flimkien ma’ baned oħra ċivili u militari fi sfilata kbira li saret biex jitfakkar il-ġublew tad-djamanti tar-Reġina Victoria f’għeluq it-62 sena tagħha. Il-baned kienu nġabru fuq il-fosos tal-Furjana u daqqew u mxew wara xukxin sal-Belt fejn fi Pjazza Reġina sellmu l-istatwa xbieha tagħha bid-daqq tal-God Save The Queen.
24/07/1897Is-Soċjetà Filarmonika San Filippo kkontribwixxiet għas-suċċess tal-ewwel pellegrinaġġ minn Ħaż-Żebbuġ għal Aġġira. Kienu marru l-Arċepriet Dun Luigi Attard, Dun Vincenzo Callus u sebgħin pellegrin, fosthom numru kbir ta’ partitarji tas-Soċjetà Filarmonika  San Filippo.
1898Ir-raba’ sede tas-Soċjetà Filarmonica San Filippo kienet f’Numri 260, fi Strada Reale. Illum b’Numru 23, Misraħ San Filep, fejn hemm l-uffiċċju tal-Partit Nazzjonalista. Il-membri tal-Każin Banda San Filep kellhom xewqa kbira li tinkiseb dar fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja Parrokjali. Kienu saru festi għal din l-okkażżjoni.
1899Mro Alessandro Agius inħatar surmast direttur mużikali tas-Soċjetà Filarmonika San Filippo (1899 – 1903).
28/04/1899Għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija serbut ta’ karozzini mgħobbija bil-bandisti tas-Soċjetà Filarmonica San Filippo telqu lejn ix-xatt tal-Marsa u hemm imbarkaw fuq vapur li wassalhom Tuneż. Il-Banda għamlet programmi mużikali u marċi ferrieħa għall-emigranti Maltin taħt id-direzzjoni ta’ Mro Alessandro Agius.
11 u 12/05/1899Il-kumitat tas-Soċjetà Filarmonika San Filippo stieden lill-Banda La Concordia (Queen Victoria) taż-Żurrieq biex tieħu sehem fil-festa ta’ San Filep. Din għamlet sevizzi mużikali taħt id-direzzjoni ta’ Mro Carmelo Zammit. Ref. Gazzetta De Malta tad-9 ta’ Mejju 1899.
1908Is-Sur Carmelo Zammit reġa’ nħatar President tas-Soċjetà   Filarmonika San Filippo u kien benefattur kbir tal-Filarmonika. (1908 – 1911).
20/02/1911Ikompli sehem is-Soċjetà flimkien mal-Banda San Filippo bid-daqq tal-marċi brijuzi fil-Karnival f’Ħaż-Żebbuġ. L-rġiel liebsin ta’ maskarati u n-nisa  b’ilbiesi ħomor, lwen il-larinġa u ħodor imżejnin b’ġiżirana, brazzuletti, labar u ċrieket.
…..04/1911Is-Surmast Angelo Melilli jirregala kompożizzjoni lis-Soċjetà Filarmonika San Filippo, l-Innu ġdid b’isem ʽOmaggio a San Filippo per coro e voci puerili.ʼ  Versi bit-Taljan taʼ Mons. Carmelo Psaila.
22/06/1911Is-Soċjetà Filarmonika San Filippo flimkien mall-Banda San Filippo taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Angelo Melilli marret iddoqq fil-Belt Valletta għall-inkurunazzjoni tar-Re Ġorġ V u r-Regina Maria tal-Ingilterra. Fi sfilata ta’ 22 banda, ilkoll wara xulxin, kumpanjati bill-kumitati u bil-istandarti rispettivi ta’ kull għaqda mmarċjaw mix-Xagħra tal-Furjana sal-Belt Valletta fil-pjazza San Giorgio.  Wara l-banded kollha daqqew l-innu ʽGod Save The Kingʼ taħt  id-direzzjoni ta’ Mro Carlo Diacono.
1911Mro Kav. Alfred Porkiman Hare nħatar surmast direttur muzikali tas-Soċjetà Filarmonika San Filippo (1911 – 1916), dan sar b’inizjattiva tas-Sur Alfred Zammit McKeon.

Is-Sur Carmelo Zammit miet nhar it-28 t’Ottubru 1911, u fil-funeral akkumpanjatu l-Banda San Filippo taħt id-direzzjoni ta’ Mro Kav. Alfred Porkiman Hare. Kienu ħadu sehem ħafna għaqdiet mużikali bir-reppreżentanti tal-kumitat, l-istandarti tagħhom flimkien ma bosta mużiċisti u persuni distinti u l-poplu Żebbuġi. Skont is-Superjur tal-M.U.S.E.U.M. is-Sur Anthony Debono ta’ dak iż-żmien, il-korteo tal-funeral kien twil mid-dar tiegħu, triq Manoel għal fejn il-Knisja tal-Anġli, għal Strada Reale u sal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, u kien għad baqa’ n-nies fejn id-dar.

Dan kien wieħed mill-akbar funerali li sar fil-Belt Rohan. Għall-funeral kien attenda wkoll is-Surmast Angelo Melilli li kien għadu namruż ħafna għall-Banda
San Filippo u li kien ħabib kbir ta’ Carmelo. Melilli waqt il-korteo qagħad jippoża quddiem il-Banda. Meta nduna bih is-Surmast Alfred Hare, raġel wieqaf u ta’ karattru li juri d-dixxendenza tiegħu Ingliża, mar fuq Angelo Melilli u qallu, “Issa jien is-Surmast Direttur tal-Banda San Filep!”,2 peress li t-tmexxija kienet għaddiet f’idejh.
Fir-registru tal-kaxxier tal-Każin Banda San Filep jidher il-ħlas Per cinque ghirlande di fiori al funerale di Carmelo Zammit.

Nhar l-4 ta’ Novembru 1911, fil-ħarġa tal-gazzetta “In-Naħla Maltija” f’paġna 1306, inkiteb hekk: “Nitolbu bil-qalb għar-ruħ tan-negozzjant Carm Zammit, President tal-Banda San Filippo ta’ Ħaż-Żebbuġ, li miet ftit ġranet ilu; mibki minn kulħadd, billi kien bniedem ta’ qalb ħanina ħafna u li kien jagħmel karità kbira u billi kien iħaddem mal-mitejn familja fil-qotnina. Huwa ħalla fit-testment lil uliedu, li jkomplu n-negozju biex ma jnaqqsux il-ħobż lil dawn il-ħafna foqra. Veru karità nisranija.”.3 Carmelo kien miżżeweġ lil Maria u kellhom erbgħa titfal: Pinu, Ġużeppi, Salvu u Gerit.

Ir-residenza ta’ Carmelo Zammit, № 3, fi Triq Manoel u l-ewwel sede tal-Banda San Filippo kienet f’№ 52, Triq il-Parroċċa, fejn illum hemm dar jisimha Stabat Mater
Irċevuta A – Ħlas lil Bartolomeo Casha u Irċevuta B – Ħlas lil Maestro di Cappella Ricardo Bugeja
Irċevuta C – Ħlas lil Francesco Galea u L-abboz tal-Istatwa li tinsab għand il-familja ta’ Frank Galea
L-Istatwa ta’ Sant’ Agata li timsab fil-Knisja ta’ San Ġużepp, Ħaż-Żebbuġ u Il-qabar fejn qed jistrieħ Carmelo Zammit fiċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù, Ħaż-Żebbuġ

Referenzi:-

1 Tagħrif mingħand Ġanni Zammit (Ta’ Germuda) in-neputi ta’ Carmelo.

2 CarloTanti (Kaxxier tal-Każin Banda San Filep) għadda dan it-tagħrif lil ibnu Gawdez u dan għaddih lil Philip Agius li kitbu fil-ktieb tal-Festa tal-Każin Banda San Filep tal-1988 paġna 31.

3 Tagħrif mingħand Philip Agius, li ġabar ħafna tagħrif tal-ġrajja tal-Każin Banda San Filep A.D. 1851.

© Avvenimenti tal-Għaqda Każin Banda San Filep mill-1851 sal-2018.

Riċerka tal-Arkivista l-Kav. John Gafà © 29/06/2018

To top