L-okkażjoni li ġejna nikkommemoraw illejla hija storika għall-Banda San Filep u għal Ħaż-Żebbuġ, fejn twieldet, kibret u għexet. Ġejna biex niċċelebraw l-għeluq ta’ mija u għaxar snin minn meta l-banda ġiet imwaqqfa formalment bl-isem “San Filep” taħt il-magħruf surmast Filippo Galea.
Għandna biex nifirħu bil-banda tagħna li għat-travers l-istrumenti mużikali semmgħet leħinha fil-programmi li esegwiet f’din l-istess pjazza, li bħall-banda ħadet isimha mill-qaddis titulari tagħna San Filep, fil-festi ta’ dan il-qaddis u tal-Madonna tal-Karità li saru fis-sena 1851. Iż-żmien li ilha ddoqq il-banda jagħmilha verament storika għaliex imur lura ’l bogħod ħafna, aktar milli l-ixjeħ fostna jistgħu jiftakru. Sa fejn hu magħruf hija l-banda l-aktar antika fost il-baned li hawn f’Malta, imkabbra imma denja tat-titlu ta’ banda EWLENIJA.
It-tradizzjoni ġo Ħaż-Żebbuġ dejjem żammet illi l-Banda San Filep hija l-aktar antika ta’ Malta u aħna organizzajna din iċ-ċelebrazzjoni wara li tkellimna max-xjuħ tar-raħal li wasslulna l-ġrajja tal-banda fi żminijiethom u kif saru jafuha mingħand missirijiethom u mingħand in-nanniet tagħhom li kienu jappartjenu lil din is-soċjetà mużikali, fosthom il-pijunjieri qalbiena. Iżda kien iż-żelu tal-promoturi ta’ din iċ-ċerimonja u l-kollaboraturi spontanji li ġol-kwadru ta’ tradizzjoni bl-għeruq imqabbdin ġol-imgħoddi, fittxew bis-serjetà li jintraċċaw l-oriġini l-aktar ’il bogħod tal-banda. U r-riżultat huwa ċ-ċerimonja tal-lejla.
Dak li konna nafuh bil-fomm sibnieh miktub f’dokument oriġinali u awtentiku:1 il-Banda San Filep wettqet programmi mużikali ġo din l-istess pjazza fis-sena 1851. Wieħed ma jistax ma josservax illi qabel twettaq programm, banda trid iż-żmien għall-formazzjoni tal-mużikanti u l-preparazzjoni bil-kunċerti, u jkun ġust li wieħed jaħseb li l-banda kienet organizzata sa minn qabel l-1851.
’Il bogħod mill-konsolidazzjoni tal-lum meta l-banda għandha s-sede permanenti tagħha, il-każin li jħaddan mijiet ta’ membri u huwa l-akbar soċjetà ċivika ta’ Ħaż-Żebbuġ, fil-bidu tagħha kienet immexxija minn għadd żgħir ta’ ċittadini li mfawrin biż-żelu għall-arti u l-kultura mużikali u għall-festa tal-qaddis patrun ta’ pajjiżhom, bi spirtu li jġiblek għira, kienu b’sagrifiċċju jieħdu ħsieb jgħallmu l-mużika u l-istrumenti u jissussidjaw il-banda.
Il-ġrajja tal-banda hija magħġuna mal-ġrajja ta’ Ħaż-Żebbuġ, fejn twieldet, kibret u għexet u wieħed irid jaraha fuq l-isfond tal-progress ta’ dan il-qasam tas-soċjetà Maltija. Għal nofs is-seklu dsatax Ħaż-Żebbuġ kien ċentru tal-arti, tal-industrija u l-kummerċ. In-negozju tal-qoton kien fl-aqwa tiegħu, ir-raħal kien miżgħud bl-inwiel għall-insiġ tal-qoton, u dan kien ġab miegħu ġid u għana.
Kien għalhekk li dak iż-żmien daħal il-ħsieb li ssir l-istatwa tal-fidda ta’ San Filep ta’ Aġġira, Patrun tal-Parroċċa, lussu li l-qagħda ta’ prosperità taċ-ċittadini kienet tippermetti. Il-konkorrenza ma setgħetx ma tkunx kbira u ġeneruża, u l-vara tal-fidda tal-Iskultur Luigi Fontana waslet hawn f’Lulju tas-sena 1863.
Dak iż-żmien in-nies tar-raħal kienu mogħtija għall-istudju, l-aktar imxerred dak tal-mużika. Tant hu hekk li nsibu li Ħaż-Żebbuġ ta lil pajjiżu nies kbar fil-qasam tal-istudji, l-arti u l- patrijottiżmu, fosthom ta’ kuraġġ nobbli Dun Mikiel Xerri, l-ewwel u akbar eroj fi żmien il-Franċiżi, u Professur tat-Teoloġija fl-Università, il-Pittur Lazzaro Pisani, l-Imħallef Dott. Giovanni Pullicino, l-Iskultur Antonio Sciortino, Professur tal-Accademia delle Arti ta’ Ruma, il-magħruf Professur Patri Daniel Callus O.P. tal-Università Ingliża ta’ Oxford u fi żminijiet aktar qrib, il-Wisq Reverendu Monsinjur Carmelo Psaila, il-poeta par excellence Malti li minn qalbu niseġ l-Innu Malti f’versi ta’ ħlewwa u qawwija aktar mill-bronż.
Fost l-antiki ma nistgħux ma nsemmux lill-magħruf Surmast Filippo Galea li mexxa l-banda għal għaxar snin, mill-1851 sal-1860.2 Sa minn qabel l-1851 ġo Ħaż-Żebbuġ kien hawn ħerqa kbira għat-tagħlim tal-mużika u Filippo Galea jisboq lil kulħadd f’din l-arti.
Minn idejn Filippo Galea, il-Banda San Filep għaddiet taħt it-tmexxija tas-Surmast Andrea Borg, magħruf bħala “Mastru Indrì,” fl-1860, u baqgħet taħt it-tmexxija tiegħu sal-1868,3 surmast li fl-ewwel programm mużikali tiegħu ħareġ innu bil-galopp li qajjem lir-raħal. Għalkemm kien tilef id-dawl minn ċkunitu, mhux biss tgħallem il-mużika u kien idoqq il-klarinett, imma kien jgħallimha u jiddettaha. In-nuqqas tad-dawl tiegħu kien jagħmel tajjeb għalih bl-udit u l-memorja tal-għaġeb li kellu. Andrea Borg kellu ħafna bċejjeċ ta’ mużika msawrin minnu stess, fosthom innijiet lill-qaddisin, u fl-1863, għall-okkażjoni tal-wasla mill-Italja tal-vara tal-fidda tal-Patrun tal-Parroċċa ħareġ innu tiegħu lil San Filep li l-Banda damet iddoqq għal żmien twil. Mill-Parroċċa ta’ San Duminku tal-Belt, u ta’ partitarju tal-festa tal-Parroċċa tiegħu, huwa ħa l-Banda ddoqq fil-festa ta’ San Duminku, fejn baqgħet tmur iddoqq għal bosta snin.
Wara Andrea Borg il-Banda għaddiet taħt ibnu, is-Surmast Ġużè Borg, mill-Belt, li kien l-ewwel surmast taż-żewġ baned tal-Belt u tal-Furjana, li llum iġibu l-isem ta’ Banda King’s Own u Banda Vilhena. Warajh laħaq is-Surmast Gioacchino Galea, Żebbuġi wkoll, mill-istess familja tal-fundatur tal-Banda San Filep Filippo Galea, klarinettista u ferm enerġetiku li ta spinta kbira lill-banda. Ritratt tal-banda fi żmien Gioacchino Galea jixhed l-organizzazzjoni tiegħu b’banda mimlija. Is-Saċerdot Salvatore Ciappara, il-kittieb ta’ Storia del Zebbug (1882, faċċ. 94), jgħidilna dwar il-banda ta’ żmien Andrea Borg “Illum l-iskulari antiki saru surmastrijiet jgħallmu lill-aljievi.”
Il-bandisti ta’ dak iż-żmien allura m’għadhomx jeżistu, imma s-Sur Paolo Chircop li kien tifel kantant u jidher fit-tarf tar-ritratt għadu fostna u jiftakar tajjeb l-okkażjoni tar-ritratt, lill-bandisti, lil Gavino Naudi, il-President tal-Casino S. Filippo u lil Carmelo Zammit, il-President tas-Società Filarmonica S. Filippo u jgħidilna li l-banda allura kienet fil-furja tagħha.
Carmelo Zammit kien jiffinanzja l-banda u jlaqqagħha fid-dar tiegħu għall-kunċerti qabel ma dik is-soċjetà fl-1890, sabet anki l-għajnuna id f’id tal-Casino S. Filippo, u din l-għaqda kulturali hija l-lum il-Każin tal-Banda San Filep. Fl-1893, is-surmast żagħżugħ Salvatore Mallia, mis-Siġġiewi, li kien Bandmaster militari, ħa t-tmexxija tal-banda. Dik is-sena l-kleru u l-poplu tas-Siġġiewi, immexxi (‘opitulante’) mis-Saċerdot Paolo Laferla għamel ċerimonja fuq Tal-Għolja biex ifakkar it-tqegħid mill-ġdid tas-Salib li kien sar tliet snin qabel bil-barka tal-Papa Ljun XIII. Salvatore Mallia għaqqad il-banda ta’ pajjiżu u tagħna flimkien biex wettaq programm mużikali fuq Tal-Għolja, f’dik iċ-ċerimonja li għadha mfakkra b’lapida tal-irħam fuq il-pedestall tas-Salib, li l-qilla tat-temp matul is-snin ma ħallewhx fuq dik il-quċċata. (Għalkemm fis-snin ta’ wara dan is-Salib reġa’ ġie mqiegħed fejn kien qabel u għadu hemm sal-lum).
Fl-1899, ħa l-banda f’idejh is-Surmast Alessandro Agius mir-Rabat, li kien magħruf bħala “Il-Profan,” naħsbu aħna, minħabba li kien iben is-Surmast Epifanio Agius, Direttur tal-Banda Konti Ruġġieru. Fl-1903, is-Surmast Spiridione Zammit mexxa l-banda għal żmien qasir u ma tantx kien popolari mal-bandisti u x-xjuħ jiftakruh bħala s-surmast li kellu għajn tal-ħġieġ. Fl-istess sena reġa’ ħa f’idejh il-banda għal ftit taż-żmien is-Surmast Salvatore Mallia.
Fl-1904 beda jidderiġi s-Surmast Angelo Melilli. Taħt dan is-surmast il-banda rat tibdil għall-aħjar kemm fin-numru tal-bandisti u kemm fit-tjubija tal-mużika. Angelo Melilli għadu u jibqa’ mfakkar bħala s-surmast ferm kapaċi li taħtu l-banda għaddiet żmien mill-aktar brillanti. Tant kien namruż lejn il-banda li ħalla d-dar tiegħu ġo Bormla u ġie joqgħod fir-raħal, f’dar li kien ipprovdielu l-Każin Banda San Filep stess. Kompożitur prolifiku li ħallielna ħafna xogħol mużikali, fosthom insemmu l-famużi marċi funebri li niftaħru bihom, l-Inno a S. Filippo (miktub fi Frar tal- 1906) u Omaggio a S. Filippo, bil-vuċijiet (miktub f’April tal-1911, b’lirika tal-Poeta Nazzjonali u Żebbuġi Dun Karm Psaila), li se jkollna x-xorti nisimgħu llejla, u aktar milli bil-kliem inkunu nistgħu napprezzaw il-ħila u l-kobor tal-awtur. Angelo Melilli ħabbat sal-1911 u miet sentejn wara f’Tuneż.
Is-Surmast Alfred P. Hare, mill-Belt, li ħa l-banda f’idejh warajh u li ħafna għadhom jiftakruh mal-banda, kien raġel wieqaf u ta’ karattru li juri d-dixxendenza Ingliża tiegħu u l-arja tiegħu ta’ Bandmaster militari. Kien ukoll direttur tal-baned King’s Own u Vilhena fl-istess żmien. Fi żmienu l-banda kellha wkoll lis-Surmast Carmelo Camilleri mir-Rabat, li kkunċerta u ħabbat programm li l-banda għamlet nhar San Ġużepp tar-Rabat. Fl-1918, minħabba raġunijiet ta’ saħħa ta’ Alfred Hare, ikkunċerta u ħabbat ukoll is-Surmast Michele Gatt, ħu s-Surmast tal-lum.
Meta Hare rtira fl-1919, kompla floku s-Surmast Orlando Crescimanno, li ħallielna Inno a S. Filippo, li wkoll għandu lirika tal-Poeta Nazzjonali u Żebbuġi Dun Karm Psaila, President Onorarju tal-Każin Banda San Filep. Fl-1920 u l-1921, il-banda reġgħet għaddiet f’idejn is-Surmast l-antik Salvatore Mallia. Fl-istess sena beda jħabbat is-Surmast tal-lum Adeodato Gatt, bħala Assistent Surmast Direttur, u s-sena ta’ wara ħa l-banda f’idejh.
M’hemmx għalfejn ngħidilkom min hu u xi jsarraf Adeodato Gatt, awtur ta’ bosta xogħlijiet mużikali varjati, fosthom marċi mill-aktar brijużi u popolari li ta lill-banda fiż-żmien ta’ erbgħin sena li ilu surmast tagħha, żmien twil biżżejjed biex jista’ jiftaħar, u aħna nawgurawlu li jkompli għall-ġejjieni. Maestro Gatt jinsab assistit minn ibnu, is-Surmast Philip Gatt, Bandmaster tar-Royal Air Force.
Xhieda tal-progress kbir u tal-popolarità tal-banda fiż-żmien antik huwa l-palk li kien sar meta kien prokuratur tal-Festa ta’ San Filep is-Saċerdot Tommaso Debono, li tliet snin oħra jkun serva lill-banda għal mitt sena. Biċċa xogħol tal-injam artistika, dan il-palk, għaxar snin4 wara li sar, ġie miżjud u msebbaħ bi statwa tal-Gran Mastru Manoel Marie de Rohan li ta ismu lir-raħal Città Rohan.
L-attività tal-banda fil-ġrajja tagħha kienet varjata. Barra l-programm eċċezzjonali li semmejna diġà, il-banda ħadet sehem fil-festi li saru lil Prince of Wales għall-bidu tas-seklu għoxrin, fil-festa tal-miġja tar-Reġina Eliżabetta II, fiċ-ċentinarju Pawlin, biex ma nsemmux programmi mxerrdin ma’ Malta kollha.
Fl-1937, il-Każin tal-Banda San Filep organizza ċerimonja b’tifkira tal-patrijott Dun Mikiel Xerri u ġiet mikxufa lapida kommemorattiva fil-faċċata tad-dar fejn kien joqgħod fit-triq li ġġib ismu. Tmien snin wara l-każin organizza ċerimonja lill-E.T. Field Marshall Lord Gort, Gvernatur u Kap Kmandant fl-Assedju tal-1942, fejn ġiet ippreżentata lilu Sword of Honour li kellhom sehem fiha l-baned ta’ Malta u Għawdex.
Ħames snin wara, f’għeluq il-mitt sena mill-mewt ta’ Mons. Francesco Saverio Caruana, Isqof ta’ Malta, il-każin organizza ċerimonja oħra kommemorattiva. Dawn iż-żewġ okkażjonijiet jinsabu mfakkrin bil-lapidi tal-irħam fuq il-faċċata tal-każin. Fit-tliet okkażjonijiet distinti u storiċi ħadet sehem il-banda.
Qabel nagħlaq irrid infakkar fil-bosta bandisti tal-imgħoddi li bil-għaqal, bil-ħidma u bl-imħabba għall-arti mużikali kienu l-persunaġġi li nisġu din il-ġrajja tal-banda, u fil-bandisti tal-lum, li qegħdin hawn magħna biex iferrħuna fil-festa ta’ llejla, xejn inqas għaqlin, ħabrieka u mogħtija għall-arti mużikali minn ta’ qabilhom, u dawn għandhom għax ikunu tassew kburin li qegħdin ikomplu s-sensiela bla heda ta’ programmi mużikali artistiċi mifruxa matul il-mija u għaxar snin li ilha mimlija bil-ħajja l-Banda San Filep.
Kitba ta’ Dr. Joseph G. Borg ©
Ex. President tal-Għaqda Każin Banda San Filep