Mro. Salvatore Mallia – (1872 – 1937)

Mro. Salvatore Mallia

Mro. Salvatore Mallia dderieġa lill-Omm il-Baned Maltin u Għawdxin għal tliet darbiet. Dan is-surmast ħa l-bakketta f’idejh mill-1893 sal-1899, mill-1903 sal-1904 kif ukoll fis-sena 1921. Salvatore Peter Carmel Mallia, twieled fir-raħal pittoresk tas-Siġġiewi nhar is-Sibt, 21 ta’ Settembru, 1872, minn Nikola Mallia u Rosa mwielda Scicluna. Huwa tgħammed l-għada l-Ħadd fil-knisja parrokjali. Minn tfulitu, Salvatore kellu ġibda qawwija lejn il-mużika. Iżda meta huwa wera lill-ġenituri tiegħu x-xewqa sabiex jistudja din l-arti, dawn ma qablux miegħu. Għalhekk, tgħallem is-sengħa ta’ skarpan.

Huwa wera x-xewqa li jitgħallem il-mużika lil nanntu Evanġelista li kienet mill-Gudja. Għalkemm il-ġenituri ta’ Mallia baqgħu m’aċċettawx, nanntu xorta waħda qabbditu t-triq biex jistudja l-mużika. Wara ftit taż-żmien hija xtratlu wkoll klarinett bil-moħbi tal-ġenituri. Dan it-tfajjel kien imur jistudja l-mużika u jdoqq il-klarinett f’waħda mill-għelieqi tal-familja sabiex ma jurix lill-ġenituri tiegħu dak li għamlet miegħu nanntu. Salvatore kellu wkoll id-delizzju tal-kaċċa. Nhar il-Ħadd, 19 ta’ April, 1891, iż-żagħżugħ Salvatore ngħaqad fis-sagrament taż-żwieġ mas-Sinjorina Marianna mwielda Aquilina. Huma kellhom ħames ulied – Ġużeppa, Karmenu, Nikola, Nazzareno u Emmanuele.

Nhar is-Sibt 2 ta’ Lulju, 1892, Salvatore kien ħalla s-sengħa ta’ skarpan u ngaġġa bħala gunner mar-reġiment tar-Royal Malta Artillery (RMA). Fis 6 ta’ Lulju ta’ sentjen wara, Mallia daħal fil-banda tar-reġiment bl-istrument euphonium. Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Diċembru, 1904 is-surmast Mallia ngħata promozzjoni ta’ Regimental Band Corporal. Fis-sena 1911, huwa ngħata midalja għaż-żmien twil li kien ilu fis-servizz kif ukoll għal kondotta tajba. Fis-sena 1914, Mro. Salvatore Mallia pparteċipa fil-kampanja militari Expeditionary Force Malta tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Fir-reġiment, Mallia kien meqjus bħala bniedem ta’ servizz, dixxiplina, u onestà. Dawn il-karatteristiċi pożittivi ġegħluh ikun maħbub minn kulħadd, tant li għenuh sabiex jilħaq Band Sergeant nhar il-Ħadd, 28 ta’ Novembru, 1920, fejn issokkta jissaħħaħ u jispeċjalizza fl-arti mużikali. Bil-kapaċità li wera f’dan il-qasam mużikali, is-Surġent Mro. Salvatore Mallia ġie fdat bid-direzzjoni tal-istess banda tar-reġiment, fl-assenza tas-surmast direttur ta’ din il-banda. Wara servizz leali ta’ tletin sena lejn il-Kuruna Ingliża u art twelidu, Mro. Mallia temm il-ħidma tiegħu minn mar-reġiment nhar is-Sibt, l-1 ta’ Lulju, 1922.

Salvatore barra milli kien ta’ widna tajba kien ukoll direttur kapaċi u kkompona ħahna mużika fosthom: intermezzi, preludji, opri, sinfoniji u marċi kemm trijonfali kif ukoll funebri. L-abilità tas-surmast Mallia fl-arti mużikali għamlitu kompożitur u traskittur mill-aħjar li kien hawn fil-Gżejjer Maltia. Uħud mix-xogħlijiet tiegħu qed isebbħu l-Arkivju tal-Għaqda Każin Banda San Filep sal-ġurnata tal-lum. Dawn huma l-marċi funebri A Mio Figlio u Lamentable – Marcia Funebre (1928), il-marċi Religiosi San Filippo u San Michele u ż-żewġ marċi sinfoniċi One Day Rest (1936) u Scherzo Ideale № 2 (1935). Salvatore għandu żewġ traskrizjonijiet waħda mill-opra Don Carlos Fantasia ta’ Giuseppe Verdi li kitibha fl-26.3.1936, kif ukoll mill-opra La Favorita Selizzjoni ta’ Gaetano Donizetti li għamilha fl- 28.7.1933.

Maestro Salvatore Mallia serva ukoll bħala Surmast Direttur ma dawn il-baned: Is-Siġġiewi San Nikola (1901 – 1935), Birkirkara Duke of Connaught’s Own, (1905 – 1906), Ħal-Qormi San Sebastian (1911 – 1920), Il-Ħamrun San Gejtanu (1914 – 1920), Iż-Zurrieq Queen Victoria (1919 – 1924), Ħal-Luqa L-Unione (1921 – 1937), Ir-Rabat L’Isle Adam (1924 – 1936) u l-Furjana Vilhena. Bejn is-sena 1919 u 1920 Salvatore għal ftit żmien dderieġa wkoll il-banda La Vallette bejn id-diretturi mużikali Giuseppe Vitaliti u Ettore Mattioli.

Matul iż-żmien li s-Surmast Salvatore Mallia dam jidderieġi l-Banda San Filep, seħħew bosta avvenimenti. Fost l-aktar importanti nsibu dawn li ġejjin:

1894

Mro. Salvatore Mallia fl-eta ta’ 21 sena nħatar surmast direttur mużikali tas-Soċjetà Filarmonica San Filippo (1894 – 1899). Din kienet l-ewwel Banda li dderieġa dan is-Surmast.
22.03.1896Sar meeting kolossali fuq il-fosos tal-Furjana bħala protesta kontra x-xewqa tal-gvern biex idaħħal iż-żwieġ ċivili. Wara l-meeting saret dimostrazzjoni mill-fosos tal-Furjana sal-Palazz tal-Isqof bʼ turija taʼ rispet u solidarjeta mal-Kap spiritwali Mons. Pietro Pace l-Arċisqof taʼ Malta. Il-Filarmonica San Filippo flimkien mal-baned oħra ħadet sehem fʼdin  isfilata ta’ protesta organizzata mill-Awtorità Ekkleżjastika. L-Arċipriet kien Dun Luigi Attard mill-Belt Vallatta (1891 – 1904).
23.05.1896Is-Soċjetà Filarmonica San Filippo ħadet sehem fil-festa tal-Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba. Dak iż-żmien fʼdin il-lokalità każin wieħed kien                                                         hemm u dan kien jorganizza ż-żewġ festi: ta’ Santa Marija u tal-Madonna tal-Ġilju.
09.08.1896Il-Filarmonica San Filippo ħadet sehem u daqqet mużika għall-festa ta’ San Lawrenz, fil-parroċċa tal-Birgu.
20.06.1897Is-Soċjetà Filarmonica San Filippo ħadet sehem flimkien ma’ baned oħra ċivili u militari fi sfilata kbira li saret biex jitfakkar il-ġublew                                        tad-djamanti tar-Reġina Victoria f’għeluq it-62 sena tagħha. Il-baned kienu nġabru fuq il-fosos tal-Furjana u daqqew u mxew wara xukxin sal-Belt fejn fi Pjazza Reġina sellmu l-istatwa xbieha tagħha bid-daqq  tal-God Save The Queen.
1903Mro. Salvatore Mallia reġaʼ nħatar surmast direttur mużikali tas-Soċjetà Filarmonika San Filippo (1903 – 1904).
27.09.1903Fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tas-Salib tal-Għolja fil-limiti fis-Siġġiewi u bil-barka tal-Papa Ljun XIII. Li dan is-Salib huwa magħruf  ukoll bħal ‘Laferla Cross’, għall-Promotur Tiegħu, Dun Pawl Laferla. Is-salib tberek minn Monsinjur Isqof Salvatore Gaffiero. Sar programm mużikali mill-Baned San Filippo ta’ Ħaż-Żebbuġ u Nicolina tas-Siġġiewi taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Salvatore Mallia. Din iċ-ċerimonja ġiet imfakkra bit-twaqqif taʼ lapida tal-irħam fuq il-pedistall tas-salib.
11.09.1904Din is-sena waslet l-istatwa tal-Beata Vergine tad-Duluri f’Ħaż-Żebbuġ minn Lecce. Is-Soċjetà Filarmonika San Filippo wetqet programm mużikali taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Salvatore Mallia. Il-Filarmonika San Filippo kienet tipparteċipa kull sena mużikalment fil-festa tad-Duluri. Is-Soċjetà kienet ukoll torganizzalha festa sekondarja sabiħa, bil-logħob tan-nar u kienet tiżżejjen ukoll il-pjazza. Dan dam isir għal bosta snin wara.
1921Mro. Salvatore Mallia għat-tielet darba reġaʼ nħatar surmast direttur  tal-Banda San Filep (1921).
01.11.1921

Il-Banda San Filep taħt id-direzzjoni ta’ dan is-Surmast Salvatore Mallia flimkien ma’ baned oħrajn ħadet sehem meta ġiet fis-seħħ l-ewwel kostituzzjoni u gvern responsabbli. Fiċ-celebrazzjonijiet kien hemm preżenti l-Eċċellenza Tiegħu l-Prinċep Dwardu, Prinċep ta’ Wales li ġie Malta għall-okkażjoni.

Il-Mulej għoġbu jsejjaħ lil Mro. Salvatore Mallia b’mewta ħesrem nhar il-Ġimgħa l-Kbira, proprju fis-26 ta’ Marzu tas-sena 1937 f’għomor ta’ 65 sena. Din ġrat għall-ħabta ta’ l-erbgħa u kwart ta’ fil-għodu fir-residenza tiegħu 30, triq San Ġakbu, s-Siġġiewi. Fil-funeral tiegħu, li sar l-għada s-Sibt, il-Baned San Nikola, L’Isle Adam u Unjoni, magħquda f’banda waħda, daqqew marċi funebri. Is-Soċjeta Filarmonica San Filippo attendiet b’raprezentanza kbira mill-kumitat, surmast, bandisti u mumbri.

Għaqdiet Mużikali oħra minn kull lokalità ta’ Malta kif ukoll mill-banda reġimentali tal-RMA kienu rappreżentati permezz ta’ sitta u tletin stendard. Bosta kuruni tal-ward akkumpanjaw ukoll it-tebut tal-mejjet surmast u l-isbaħ kuruna kienet dik li ngħatat minn wieħed tallab mill-Belt Valletta, li miegħu Mallia kien ferm karitattiv. Id-difna tiegħu saret fil-knisja parrokkjali tas-Siġġiewi. Il-mewt ta’ dan il mibki Surmast nħasset minn kulħadd, iżda bla dubju mill-għażiża martu Marianna, tant li mietet ħamest ijiem warajh.

[row] [onethird]

Is-Salib tal-Għolja

[/onethird]

[onethird]

Il-Madonna tad-Duluri

[/onethird]
[onethird]

Partitura ta’ Don Carlos

[/onethird] [/row]

Referenzi:
Ktieb tal-Festa ta’ San Filep 1995 (Paġni 55 u 56)
Avvenimenti u Arkivju tal-Għaqda Każin Banda San Filep 1851 – 2016
Schiavone Michael (2009). Dictionary of Maltese Biographies Vol.2, Paġna 1079

Riċerka tal-Arkivista l-Kav. John Gafà ©

To top