Mro. Andrea Borg, magħruf aħjar bħala Mastru Indrì, twieled fis-7 ta’ Jannar, 1818, fil-parroċċa Dumnikana ta’ Portu Salvu, il-Belt Valletta, minn Salvatore Borg u Antonia mwielda Bonello. Huwa tgħammed l-għada, jiġifieri nhar it-8 ta’ Jannar. Sfortunatament, ta’ sentejn Indrì tilef id-dawl ta’ għajnejh b’diżgrazzja. Iżda dan il-fatt xejn ma tellfu, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ mużika. Għalkemm għama, ta’ età żgħira Indrì kien diġà jagħraf liema strumenti jkunu qegħdin jindaqqu fil-knisja waqt li jkun qiegħed jisma’ l-quddies. Għalhekk, meta l-ġenituri tiegħu ntebħu bil-kapaċità li kellu binhom, huma bagħtuh jistudja l-mużika għand wieħed mill-aqwa surmastrijiet li kien hemm il-Belt Valletta f’dak iż-żmien. Dan kien is-Surmast Rull, li kien ukoll Maestro di Cappella tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Indrì kien juri entużjażmu partikolari waqt il-lezzjonijiet tal-mużika. Għall-ewwel, is-Surmast Rull beda jgħallmu jdoqq il-flawt, li dak iż-żmien kien magħruf bħala flejguta. Iżda wara ftit beda jgħallmu wkoll il-klarinett – l-istrument li Indrì Borg għażel li jdoqq u li tant kien iħobb. Fil-fatt, għad li tgħallem idoqq bosta strumenti oħra fosthom il-kitarra, huwa baqa’ jdoqq il-klarinett u saħansitra beda jgħallmu meta laħaq surmast direttur ta’ xi baned. Indrì wasal biex tgħallem u għallem il-mużika billi kien iżomm f’moħħu n-noti u l-ħoss partikulari ta’ kull nota, u kif tinkiteb fuq jew taħt il-ħames rigi. In-nuqqas ta’ dawl kien jagħmel tajjeb għalih bl-udit u l-memorja tal-għaġeb li kellu.
Bla ma qatt ra partitura mużikali, Mastru Indrì Borg xorta waħda kien jirnexxielu jikkomponi l-mużika. Dan kien jagħmlu fuq injama li kellha mnaqqxin il-ħames rigi li fuqhom tinkiteb il-mużika. B’hekk huwa seta’ jħosshom b’subgħajh. Imbagħad kien jaqbad biċċiet tax-xema’, li dejjem kien iżomm ħdejh, u jiffurmahom f’boċċi ta’ daqsijiet differenti sabiex jissimbolizzaw in-noti mużikali. Dawn kien iwaħħalhom fuq ir-rig mużikali sabiex joħloq il-melodija. Imbagħad kien isejjaħ lil xi ħadd viċin tiegħu u jqabbdu jikkopja dik il-mużika fuq karta sabiex tkun tista’ tindaqq. Wara li jismagħha kien jagħmel it-tiswijiet meħtieġa.
B’dan il-mod, Indrì Borg irnexxielu jikteb bosta siltiet mużikali kif ukoll għamel arranġamenti ta’ diversi polki, valzi, marċi, sonati u innijiet. L-ewwel innu li kiteb kien iddedikat lil San Duminku. Dan indaqq nhar il-festa tiegħu tal-1860 u tkanta mit-tfal. Innijiet oħra li kiteb huma ddedikati lil San Filippu, San Publiju (1863), Sant Andrija u l-Madonna ta’ Liesse. Il-versi ta’ dawn l-innijiet inkitbu bit-Taljan min-nies imlaħħqin fil-kamp letterarju u mużikali ta’ dak iż-żmien, fosthom Dun Ġużepp Zammit Brighella, il-Prof. Ċesare Vassallo u Antonio Crescimanno u oħrajn. F’1854, Mastru Indrì Borg ddetta Trattat tal-Mużika li bil-lingwa Maltija jispjega x’inhuma l-armonija, il-partituri u l-kuntrapunt fi-ktieb ta’ 150 paġna. Indrì Borg kien isewwi l-orgnijiet tal-knejjes. Fosthom sewwa dak tal-Katidral u tal-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu, li fih elf u sebgħa u tletin (1037) kanna mużikali. Għalkemm għama, Indrì Borg irnexxielu jegħleb din id-diżabilità u joħloq opportunitajiet oħra sabiex jagħti kontribut lill-iżvilupp mużikali ta’ pajjiżu. Fil-fatt, huwa jibqa’ magħruf għall-mod kif organizza l-baned f’pajjiżna għaliex fil-baned Maltin ried li jindaqqu l-istrumenti kollha li jinsabu fil-baned militari.1 Indrì Borg kien ukoll Maestro di Cappella tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
Il-Banda di San Filippo ta’ Ħaż-Żebbuġ ila li twaqqfet sa mill-1851.2a & 2b
Meta fl-1860 is-Surmast Andrea Borg ħa l-Banda San Filep f’idejh, huwa qabad mod sistematiku ta’ tagħlim tal-mużika u bih organizza u kabbar il-banda, li kien beda Mro. Filippo Galea uffiċjalment fis-sena 1851. F’dokument li hemm fil-Arkivju tal-Għaqda Każin Banda San Filep juri li fl-10 ta’ Frar tas-sena 1859 (Festa ta’ San Pawl Nawfragu) l-Maestri Angelo Galea, Filippo Galea u Andrea Borg, l-eks Presidenti Antonio Pisani u Gaetano Attard flimkien ma’ benefatturi oħra bħal Salvatore Ciappara, kienu taw flus lill-Filarmonika San Filippo biex inxtraw ħmistax-il strument ġdid għall-istess Banda San Filep.3
Bis-saħħa ta’ Mastru Indrì, il-Filarmonika San Filippo ħadet prominenza kbira għax beda joħroġha ddoqq barra minn Ħaż-Żebbuġ. Fil-fatt, l-ewwel darba li l-Filarmonika San Filippo ħarġet iddoqq barra minn Ħaż-Żebbuġ kien fil-25 ta’ Novembru 1851, għall-festa ta’ Santa Katerina fiż-Żurrieq.4a & 4b Dak iż-żmien Mastru Indrì kien sostitut surmast fin-nuqqas ta’ Maestro Filippo Galea. Imbagħad fl-erba’ ta’ Awissu, 1860, il-Filarmonika San Filippo taħt id-direzzjoni tas-surmast Andrea Borg kienet l-ewwel banda Maltija li daqqet fil-Belt Valletta għall-okkażjoni tal-festa ta’ San Duminku ġewwa l-Parroċċa tad-Dumnikani fil-Belt Valletta.5 Baqgħet tagħmel dan is-servizz għal diversi snin. Dan il-progress wassal lil din il-banda tkompli tieħu xejra iktar moderna għal kif aħna nafu l-baned illum. Fis-sena 1860 Maestro Indrì Borg waqqaf ʻBanda Nazzjonali’ f’ Ħaż-Żebbuġ. Hu kien midħla sew ta’ bosta baned mifruxa madwar Malta u għalekk dak in nhar irnexxielu jaqgħad banda, billi uża l-qafas ta’ element bandistiku Żebbuġi u żewqu ma bandisti li kienu ġejjin minn irħula oħra u għalhekk it-titolu mistħoqq ta’ Banda Nazzjonali. Billi l-unika banda eżistenti kienet dik ta’ Banda di San Filippo u ma kienetx teżisti l-ebda banda oħra f’raħalna, wieħed jissopponi b’mod konkret li l-qafas li uża biex jifforma din il-banda kien dak ta’ San Filippo, banda li kien diġa jifforma parti minnha. Dan kien il-bidu tal-mod kif il-baned Maltin komplew jevolvu biex ftit ftit laħqu l-format li għandhom illum.
Fit-8 ta’ Mejju, 1864, l-istatwa artistika u monumentali ta’ San Filep daħlet trijonfalment ġewwa l-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ akkumpanjata minn purċissjoni li ħarġet mill-Kappella tal-Anġli. Il-Filarmonika San Filippo għamlet tliet servizzi mużikali u ndaqq Innu lil San Filep, mużika ta’ Mastru Indrì. Dan baqa’ jindaqq għal bosta snin fejn kien iqajjem il-Belt Rohan. Dan is-surmast baqa’ jidderieġi l-Banda San Filep sal-1868. Skont il-kittieb is-Sur Joe Miceli, sitt xhur wara li ħa t-tmexxija tal-Banda San Filep fl-1860, Andrea Borg waqqaf il-Banda L’Isle Adam tar-Rabat.
Indrì żżewweġ lil Marianna mwielda Ebejer fis-sena 1848, u kellhom tifel uniku li semmewh Ġiuseppi. Aktar ’il quddiem lil dan Ġiuseppi insibuh ukoll bħala surmast direttur tal-Banda San Filep. Ix-xwejjaħ Indrì miet fqir, għama u mkenen fl-isptar tal-anzjani San Vincenz de Paule (Imgieret), Ħal Luqa, fil-15 ta’ Marzu, 1903, fl-għomor ta’ erbgħa u tmenin sena.
L-Għaqda Każin Banda San Filep għanda vitrina msemmija għal Mro. Andrea (Indrì) Borg fejn hemm esebiti numru kbir ta’ strumenti antiki tal-Banda San Filep li ntużaw matul iż-żmienijiet.
[row][onehalf]
[/onehalf]
[onehalf]
[/onehalf] [/row]
[row][onehalf]
[/onehalf]
[onehalf]
[/onehalf] [/row]
Referenzi:
1 – Mifsud Bonnici Robert (1954). Ġrajja tal-Mużika f’Malta u Għawdex, Paġna 54.
2a – Mifsud Bonnici Robert (1960). Dizzjunarju Bijo-Bibljografiku Nazzjonali, Paġna 50.
2b – Micallef Dominic – San Ġużepp (Marzu 1991, № 14). (Banda L’Isle Adam) Ir-Raġel Ġust ta’ Maria, Paġna 30.
3 – Dokument miżmum fl-Arkivju tal-Banda San Filep.
4a – Arkivju tal-Knisja Arċipretali taż-Żurrieq (Esito della Festivita di Santa Caterina Vergine e Martire).
4b – Vella Bondin Joseph (2000). Il-Mużika ta’ Malta fis-sekli dsatax u għoxrin, Paġna 98.
Tifkira tal-Festi Anniversarji tal-Banda San Filep 1851 – 1961. Diskors miżmun milll-Avukat Joseph G. Borg, President tal-Każin Banda San Filep.
Schiavone Michael (2009). Dictionary of Maltese Biographies, Paġna 272
Avvenimenti tal-Għaqda Każin Banda San Filep 1851 – 2016
Riċerka tal-Arkivista l-Kav. John Gafà ©