Mro. Filippo Galea – (1829 – 1901)

Filippo Galea 1851 – 1860

Mro. Filippo Galea twieled Ħaż-Żebbuġ fil-31 ta’ Diċembru, 1829, minn Mro. Angelo Galea u Maria mwielda Cilia. Huwa tgħammed l-għada fil-Parroċċa ta’ San Filep ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Filippo tħarreġ fil-mużika minn tfulitu taħt il-ħarsien ta’ missieru Angelo, imbagħad kompla għand Mro. Giovanni Le Brun, li kien id-direttur tal-Orkestra tat-Teatru Rjal. Galea tgħallem idoqq il-vjolin, il-klarinett u l-pjanuforte. Il-progress f’dan it-tfajjel deher mill-ewwel, infatti ma damx ma sar vjolinista mill-aqwa. Meta kellu erbatax-il sena daqq varjazzjoni bil-vjolin fil-Union Club, il-Belt Valletta. Huwa għaġġeb lil kull min kien preżenti u ntwera apprezzament kbir mill-udjenza kollha.1a

Galea kien fundatur u riformatur ta’ diversi baned militari u ta’ dan qala’ bosta tifħir u rigali tad-deheb u tal-fidda, fosthom mill-Prim Imħallef Sir John Faithful, Lord Nepier ta’ Magdala, l-Prinċep Raja ta’ Geipur u kbarat oħrajn. L-awtur tal-Biografia artistca del Maestro Filippo Galea għarrafna li Filippo hu s-sid ta’ wieħed u ħamsin tifħira uffiċċjali, minn 1844 sa 1886. Dawn it-tifħiriet, Malta ddommhom flok il-weraq tar-rand, f’kuruna u biha żżejjen ras il-pajżan tagħna s-Surmast Direttur Filippo Galea. Fil-ktieb Filippo Galea Direttore della Fliarmonica Nazionale ta’ H.R.H. The Prince of Wales Band (1888) hemm imniżla dawn it-tifħieiet u li jinsabu wkoll fl-Arkivju tal-Għaqda Każin Banda San Filep.1b

Filippo beda jistudja l-kompożizzjoni għand Dun Ġużepp Burlon, wara kompla għand iċ-ċelebri Mro. Nicolò Manzaro. Ta’ għoxrin sena bdiet titnissel ġo fih il-ħajra li jifforma banda Maltija. Bl-għajnunja ta’ missieru Angelo, huwa rnexxielu jgħaqqad għadd ta’ bandisti u jħarriġhom sewwa. Filippo Galea kien diġà għaqqad banda fl-1846, meta kien għad kellu sbatax-il sena. Dan jidher mir-reġistri tal-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju li nsibu fl-Arkivju tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ.2 Sena wara l-oħra jidher li l-banda tiegħu baqgħet iddoqq f’din il-festa. Fil-fatt, fl-1849 din il-banda nsibuha identifikata bħala Banda a Filippo Galea.3 Aktar tard insibu din il-banda identifikata bl-isem proprju tagħha. L-ewwel darba li deher miktub dan l-isem kif nafuh illum huwa fl-1851. Skont ir-reġistru tal-ispejjeż tal-festa, tal-fratellanza tal-Madonna tal-Karità.4 Filippo Galea ta isem lill-banda tiegħu u semmieha Banda di San Filippo.5

F’dik is-sena propju ft-12 ta’ Mejju 1851 Mro. Filippo Galea għamel programm mużikali b’din il-banda fil-festa ta’ San Filep u ftit ġimgħat wara, sar programm ieħor fil-festa tal-Madonna tal-Karità ft-08 ta’ Ġunju 1851. Hawn insibu li l-banda tħalset Sc.2.8.8. (Scudi) tas-serviżż mill-fratellanza tal-Madonna tal-Karità . Maestro Filippo Galea huwa meqjus bħala l-ewwel surmast kif ukoll il-fundatur tal-Banda San Filep. Ta min isemmi wkoll li fis-1852 il-Banda di San Filippo kellha l-ewwel sede tal-kienet f’№ 52, Triq il-Parroċċa fejn illum hemm dar jisimha Stabat Mater. Fl-arkivju tal-Għaqda Każin Banda San Filep insibu l-marċ funebru Largo li Mro. Filippo Galea inkiteb fl-1853. Fl-ħdax ta’ Mejju 1856, il-Gvernatur William Reid irregala uniformi għall-bandisti tal-Banda San Filippo, kien irċeviha Mro. Filippo Galea fil-Union Club, il-Belt Valletta.6 Insibu wkoll li f’wieħed u għoxrin ta’ Marzu 1856, l-Banda San Filippo kienet l-ewwel banda li ħadet sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.7a u 7b F’dokument miżmum fl-Arkivju tal-Banda San Filep juri li fl-10 ta’ Frar 1859, (Festa ta’ San Pawl Nawfragu) is-Surmastrijiet Angelo Galea, Filippo Galea, Andrea Borg, Gaetano Attard, Antonio Pisani, Michele Balzan, Angelo Chircop, Saċ. Giuzeppe Psaila, Carmelo Zammit, Micheleangelo Debono kif ukoll Dun Salvatore Ciappara u Filippo Scerri l-Prokuratur tal-Knisja Arċipretali flimkien ma’ benefatturi oħrajn ħarġu flus biex inxtraw ħmistax-il strument mużikali ġdid għall-bandisti tal-istess Banda di San Filippo. Dan huwa dokument li juri l-progress li kienet qed tagħmel din il-Banda bit-tagħlim tal-mużika u s-servizzi mużikali.

Meta kellhu tnax il-sena missieru Angelo li kien surmast mall-banda militari daħħal lil Filippo fl-88 th reġiment bħala tifel.8 Fl-1850 is-Surmast Filippo Galea inaghaqad mall 36 Regiment li kien stazjonat f’Corfu.8 Wara fl-1857 is-Surmast Galea ngħaqad mal-ewwel battaljun tas-sebgħa u ħamsin reġiment tal-infanterija u għamel karriera brillanti bħala surmast ta’ baned militari Ingliżi. Fl-Lulju 1863 dan is-surmast inata l-kariga ta’ surmast ma’ diversi baned militari Inglizi. Fl-1868 mar Bombay l-Indija mal 8 regiment. 8 Fl-1890 Filippo kien vjonalista prim mall-orkesta tal-maestro di cappella ta’ Riccardo Bugeja, 8 Insibu wkoll li bejn is-snin 1880 – 1886 Filippo kien ukoll it-tieni surmast direttur tal-banda La Vincitrice, wara kien jisimgha Prince of Wales u aktar tard King’s Own wara Giuseppe Borg.8
Dan ix-xogħol kien jirrikjedih li jsiefer spiss u ġieli għal żmien twil. Minħabba f’hekk mhux l-ewwel darba li kellu jħalli t-treġija tal-Banda di San Filippo f’idejn ta’ madwaru bħal ma kienu Gaetano Attard u Antonio Pisani, sakemm fl-1860 intgħażel is-Surmast mill-Belt Valletta Andrea (Indrì) Borg bħala direttur.

Fis-sitta ta’ Novembru, 1851 is-Surmast Filippo Galea żżewweġ lil Maria Micallef mill-Isla, f’Bormla. Kull ħajja trid tintem. Minn xi ġranet qabel kienu qegħdin jaslu l-aħbarijiet li saħħet il-Fundatur tal-Banda San Filep kienet qiegħda tmur lura. Nhar l-10 ta’ Ġunju, 1901 imdawwar minn martu u uliedu għadda għall-ħajja ta’ dejjem fl-età ta’ 71 sena. Fil-funeral ħadu sehem numru ta’ bandisti mill-Banda di San Filippo 9 immexxija mid-direttur tagħha Mro. Alessandro Agius, flimkien ma’ oħrajn minn baned oħra li hu kien waqqaf meta rtira mill-militar Ingliż jew li kellu konnessjoni magħhom fl-aħħar snin ta’ ħajtu. Is-Surmast Filippo Galea jinsab mistriħ f’qabar fil-knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ.

[row][onehalf]

2 Fir-reġistru tal-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju nsibu li fl-1846 din il-Fratellanza għamlet xi spejjeż biex tħallas “Ai sonatori della Banda”

 

[/onehalf]
[onehalf]

3 Imbagħad fil-festa tal-1849 il-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju ħallset lill- “Banda a Filippo Galea”

[/onehalf] [/row]

[row] [onethird]

4 Ir-reġistru tal-Fratellanza tal-Madonna tal-Karità miżmum fl-Arkivju tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ

[/onethird]

[onethird]

5 Fl-1851 tissemma għall-ewwel darba “Banda di San Filippo” għaliex il-Fratellanza tal-Madonna tal-Karità ħallsitha tal-ispejjeż li għamlet fil-festa.

[/onethird]
[onethird]

9 Fil-minuti tal-laqgħat tal-Banda San Filep insibu li l-istess banda daqqet fil-funeral ta’ Mro. Filippo Galea.

[/onethird] [/row]

[row][onehalf]

6 Il-Gvernatur William Reid irregala uniformi lill-bandisti tal-Banda San Filippo Li għada miżmuma fil-Każin Banda San Filep

 

[/onehalf]
[onehalf]

Il-Librerija tal-mużika (Arkivju) msemmi għall-Fundatur tal-Għaqda Mro. Filippo Galea Xogħol tal-injam u skultura li sar minn Mastru Bertu Casha u membri tal-familja tiegħu fl-1924

[/onehalf] [/row]

[row] [onethird]

Maestro Angelo Galea

[/onethird]

[onethird]

Maestro Giovanni Le Brun

[/onethird]
[onethird]

Il-ktieb fejn hemm imniżla t-tifħiriet ta’ Mro. Filippo Galea

[/onethird] [/row]

Referenzi:
1a u b – Mifsud Bonnici Robert (1951). Mużiċisti u Kompożituri Maltin u Għawdxin tal-Bieraħ u tal-Lum.
2, 3, 4 u 5 – Arkivju tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ.
4 – Vella Bondin Joseph (2000). Il-Mużika ta’ Malta fis-sekli dsatax u għoxrin – Paġna 98.
6 – Każin Banda San Filep (2001). Il-Ġrajja tal-Każin Banda San Filep – Paġna 15.
7a – Każin Banda San Filep (2001). Il-Ġrajja tal-Każin Banda San Filep – Paġna 17.
7b – Schiavone Michael (1997). L-istorja tal-Każin tal-Baned f’Malta u Għawdex Vol.1, Paġna 130.
8 – Schiavone Michael (2009). Dictionary of Maltese Biographies Vol.2, Paġna 866
9 – Fil-minuti tal-laqgħat tal-Banda San Filep insibu li l-istess banda daqqet fil-funeral ta’ Mro. Filippo Galea.
Avvenimenti tal-Għaqda Każin Banda San Filep 1851 – 2016

Riċerka tal-Arkivista l-Kav. John Gafà ©

To top