Mro Filippo Galea (1829 – 1901)

Filippo Galea 1851 – 1860

Mro Filippo Galea twieled Ħaż-Żebbuġ fil-31 ta’ Diċembru, 1829, minn Mro Angelo Galea u Maria mwielda Cilia. Huwa tgħammed l-għada fil-Parroċċa ta’ San Filep ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Filippo tħarreġ fil-mużika minn tfulitu taħt il-ħarsien ta’ missieru Angelo, imbagħad kompla għand Mro Giovanni Le Brun, li kien id-direttur tal-Orkestra tat-Teatru Rjal. Galea tgħallem idoqq il-vjolin, il-klarinett u l-pjanuforte. Il-progress f’dan it-tfajjel deher mill-ewwel, infatti ma damx ma sar vjolinista mill-aqwa. Meta kellu erbatax-il sena daqq varjazzjoni bil-vjolin fil-Union Club, il-Belt Valletta. Huwa għaġġeb lil kull min kien preżenti u ntwera apprezzament kbir mill-udjenza kollha.1a

Galea kien fundatur u riformatur ta’ diversi baned militari u ta’ dan qala’ bosta tifħir u rigali tad-deheb u tal-fidda, fosthom mill-Prim Imħallef Sir John Faithful, Lord Nepier ta’ Magdala, l-Prinċep Raja ta’ Geipur u kbarat oħrajn. L-awtur tal-Biografia artistca del Maestro Filippo Galea għarrafna li Filippo hu s-sid ta’ wieħed u ħamsin tifħira uffiċċjali, minn 1844 sa 1886. Dawn it-tifħiriet, Malta ddommhom flok il-weraq tar-rand, f’kuruna u biha żżejjen ras il-pajżan tagħna s-Surmast Direttur Filippo Galea. Fil-ktieb Filippo Galea Direttore della Fliarmonica Nazionale ta’ H.R.H. The Prince of Wales Band (1888) hemm imniżla dawn it-tifħieiet u li jinsabu wkoll fl-Arkivju tal-Għaqda Każin Banda San Filep.1b

Filippo beda jistudja l-kompożizzjoni għand Dun Ġużepp Burlo, wara kompla għand iċ-ċelebri Mro Nicolò Manzaro. Ta’ għoxrin sena bdiet titnissel ġo fih il-ħajra li jifforma banda Maltija. Bl-għajnunja ta’ missieru Angelo, huwa rnexxielu jgħaqqad għadd ta’ bandisti u jħarriġhom sewwa. Filippo Galea kien diġà għaqqad banda fl-1846, meta kien għad kellu sbatax-il sena. Dan jidher mir-reġistri tal-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju li nsibu fl-Arkivju tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ.2 Sena wara l-oħra jidher li l-banda tiegħu baqgħet iddoqq f’din il-festa. Fil-fatt, fl-1849 din il-banda nsibuha identifikata bħala Banda a Filippo Galea.3 Aktar tard insibu din il-banda identifikata bl-isem proprju tagħha. L-ewwel darba li deher miktub dan l-isem kif nafuh illum huwa fl-1851. Skont ir-reġistru tal-ispejjeż tal-festa, tal-fratellanza tal-Madonna tal-Karità.4 Filippo Galea ta isem lill-banda tiegħu u semmieha Banda di San Filippo.5

F’dik is-sena propju ft-12 ta’ Mejju 1851 Mro Filippo Galea għamel programm mużikali b’din il-banda fil-festa ta’ San Filep u ftit ġimgħat wara, sar programm ieħor fil-festa tal-Madonna tal-Karità ft-08 ta’ Ġunju 1851. Hawn insibu li l-banda tħalset Sc.2.8.8. (Scudi) jew € 0.54 tas-serviżż mill-fratellanza tal-Madonna tal-Karità . Maestro Filippo Galea huwa meqjus bħala l-ewwel surmast kif ukoll il-fundatur tal-Banda San Filep. Ta min isemmi wkoll li fis-1852 il-Banda di San Filippo kellha l-ewwel sede tal-kienet f’№ 52, Triq il-
Parroċċa fejn illum hemm dar jisimha Stabat Mater. Fl-arkivju tal-Għaqda Każin Banda San Filep insibu l-marċ funebru Largo li Mro Filippo Galea inkiteb fl-1853. Fl-ħdax ta’ Mejju 1856, il-Gvernatur William Reid irregala uniformi għall-bandisti tal-Banda San Filippo, kien irċeviha Mro Filippo Galea fil-Union Club, il-Belt Valletta.6 Insibu wkoll li f’wieħed u għoxrin ta’ Marzu 1856, l-Banda San Filippo kienet l-ewwel banda li ħadet sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.7a u 7b F’dokument miżmum fl-Arkivju tal-Banda San Filep juri li fl-10 ta’ Frar 1859, (Festa ta’ San Pawl Nawfragu) is-Surmastrijiet Angelo Galea, Filippo Galea, Andrea Borg, Gaetano Attard, Antonio Pisani, Michele Balzan, Angelo Chircop, Saċ. Giuzeppe Psaila, Carmelo Zammit, Micheleangelo Debono kif ukoll Dun Salvatore Ciappara u Filippo Scerri l-Prokuratur tal-Knisja Arċipretali flimkien ma’ benefatturi oħrajn ħarġu flus biex inxtraw ħmistax-il strument mużikali ġdid għall-bandisti tal-istess Banda di San Filippo. Dan huwa dokument li juri l-progress li kienet qed tagħmel din il-Banda bit-tagħlim tal-mużika u s-servizzi mużikali.

Meta kellhu tnax il-sena missieru Angelo li kien surmast mall-banda militari daħħal lil Filippo fl-88 th reġiment bħala tifel.8 Fl-1850 is-Surmast Filippo Galea inaghaqad mall 36 Regiment li kien stazjonat f’Corfu.8 Wara fl-1857 is-Surmast Galea ngħaqad mal-ewwel battaljun tas-sebgħa u ħamsin reġiment tal-infanterija u għamel karriera brillanti bħala surmast ta’ baned militari Ingliżi. Fl-Lulju 1863 dan is-surmast inata l-kariga ta’ surmast ma’ diversi baned militari Inglizi. Fl-1868 mar Bombay l-Indija mal 8 regiment.8 Fl-1890 Filippo kien vjonalista prim mall-orkesta tal-maestro di cappella ta’ Riccardo Bugeja, 8 Insibu wkoll li bejn is-snin 1880-1886 Filippo kien ukoll it-tieni surmast direttur tal-banda La Vincitrice, wara kien jisimgha Prince of Wales u aktar tard King’s Own wara Giuseppe Borg.8

Dan ix-xogħol kien jirrikjedih li jsiefer spiss u ġieli għal żmien twil. Minħabba f’hekk mhux l-ewwel darba li kellu jħalli t-treġija tal-Banda di San Filippo f’idejn ta’ madwaru bħal ma kienu Gaetano Attard u Antonio Pisani, sakemm fl-1860 intgħażel is-Surmast mill-Belt Valletta Andrea (Indrì) Borg bħala direttur.

Fis-sitta ta’ Novembru, 1851 is-Surmast Filippo Galea żżewweġ lil Maria Micallef mill-Isla, f’Bormla. Kull ħajja trid tintem. Minn xi ġranet qabel kienu qegħdin jaslu l-aħbarijiet li saħħet il-Fundatur tal-Banda San Filep kienet qiegħda tmur lura. Nhar l-10 ta’ Ġunju, 1901 imdawwar minn martu u uliedu għadda għall-ħajja ta’ dejjem fl-età ta’ 71 sena. Fil-funeral ħadu sehem numru ta’ bandisti mill-Banda di San Filippo 9 immexxija mid-direttur tagħha Mro Alessandro Agius, flimkien ma’ oħrajn minn baned oħra li hu kien waqqaf meta rtira mill-militar Ingliż jew li kellu konnessjoni magħhom fl-aħħar snin ta’ ħajtu. Is-Surmast Filippo Galea jinsab mistriħ f’qabar fil-knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Fis-sena 2017 il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ u l-Gvern Malti taw ġieħ lil dan il-bravu surmast, kompożitur u fundatur tal-Banda San Filep Mro Filippo Galea għax semmew triq għalih f’Ħaż-Żebbuġ, fiż-żona ta’ Ħal-Mula.

Dawn huma l-avvenimenti li seħħew mill-Għaqda Każin Banda San Filep A.D. 1851 kemm Mro Filippo Galea dam Surmast Direttur u President:-

1851Insibu li Surmast Direttur u President ta’ din is-soċjetà Mro Filippo Galea u numru ta’ organizzaturi u aljievi fosthom Gaetano Attard, Michele Borg, Giuseppe Balzan, Antonio Pisani, Gioacchino Mallia, Michelangelo Debono, Andrea Borg u oħrajn li ddeċidew li jagħtu ġieħ lil-isem Banda di San Filippo.Kien xieraq li huma jgħammduha u jiddedikawha lill-patrun tagħhom, San Filippu, Missier iż-Żebbuġin. Aktar tard dawn insibuhom li kienu jiġbru l-ħlasujiet tas-servizzi li kienet tagħmel din il-banda minn żmien għall-ieħor.
1851L-Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ Dun Francesco Saverio Vassallo sar l-ewwel Direttur Spiritwali tal-Banda di San Filippo (1851-1854). Sa mit-twaqqif tal-Banda, l-mexxejja tas-Soċjetà Mużikali u l-Kleru, ilkoll flimkien iddeċidew li l-Banda di San Filippo iżżomm il-kulur tal-knisja għall-jum Liturġiku ta’ San Filep li jaħbat fit-12 ta’ Mejju. Allura bħala kulur tal-istandard tal-Banda kien intgħażel l-abjad.
1851L-Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ Dun Francesco Saverio Vassallo sar l-ewwel Direttur Spiritwali tal-Banda di San Filippo (1851 – 1854). Sa mit-twaqqif tal-Banda, l-mexxejja tas-Soċjetà Mużikali u l-Kleru, ilkoll flimkien iddeċidew li l-Banda di San Filippo iżżomm il-kulur tal-knisja għall-jum Liturġiku ta’ San Filep li jaħbat fit-12 ta’ Mejju. Allura bħala kulur tal-istandard tal-Banda kien intgħażel l-abjad.
03/10/1851Fl-Arkivju tal-Knisja Arċipretali  taʼ Ħaż-Żebbuġ insibu li l-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju ħallset lill-Banda. “Per la banda musicale della serata e la processione.” 8.6 scud jew € 1.67.
25/11/1851Il-Banda mmexxija minn Mro Andrea Borg daqqet iż-Żurrieq għall-festa ta’ Santa Katerina. Dan id-dokument jinsab fl-arkivju tal-Knisja Arċipretali taż-Żurrieq “Esito della festività di Santa Caterina Vergine e Martire.”  Il-ħlas tas-servizz kien 29 skud jew € 6.3. Banda ta’ Indrì kienet diġa teżisti qabel is-sena 1860. Din baqgħet iddoqq għal diversi snin ta’ wara.
1854L-Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ Dun Tommaso Naudi mill-Belt Valletta inħatar Direttur Spiritwali tas-Soċjetà tal-Banda di San Filippo (1854-1862).  Dun Tommaso Naudi kien Arċipriet taʼ Ħal-Għaxaq bejn l-1834 u l-1854. Aktar tard Dun Tommaso laħaq Monsunjur u  Kanonku tal-Katidral.
13/05/1856Mill-Arkivju tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, mir-reġistru tal-ħruġ tal-Festa ta’ San Filep, insibu miktub hekk “Filippo Galea dichiarò dʼaver ricevuto dal Sacerdoto Tommaso Debono Procuratore come sopra di scudi quaranta che sono per la Banda di San Filippo.”       40.0 scud jew € 7.76.
1857Il-Banda di San Filippo kienet tagħmel il-kunċerti mużikali tal-banda fʼNumru 3, fi Triq Manoel. Ir-residenza tal-President tal-Filarmonica San Filippo, is-Sur Carmelo Zammit, li kien negozjant tal-qoton, benefattur kbir taʼ din il-banda, kien iħallas ispejjeż kollha tal-banda. Dan ġara għax il-banda kienet kibret u l-każin kien sar żgħir għaliha.
26/03/1857Fl-Arkivju tal-Knisja Arċipretali taʼ Ħaż-Żebbuġ insibu li l-Banda tħallset mill-festa tal-Madonna Annunziata. “Filippo Galea tħallas ħdax-il skud u sitt tari għas-sevizz mużikali li l-Banda di San Filippo kienet għamlet fil-ġurnata taʼ qabel, fil-festa tal-Beata Maria Vergine taħt it-titlu tal-Annunzjata fil-knisja tagħha, fi Triq il-Kbira, Ħaż-Żebbuġ.” 11 scud u 6 tari jew € 2.25. Kien sar ukoll il-logħob tan-nar.
11/05/1857Is-Surmast tal-Banda di San Filippo Mro Filippo Galea sellef tlett trumbuni għad-daqq tal-mużika sagra fil-Knisja Arċipretali taʼ Ħaż-Żebbuġ għall-festa taʼ San Filep. Ref. Arkivju tal-Parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ, Esito Venere Pġ. 53 (1855-1859).
14/05/1857Mill-Arkivju tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, mir-reġistru tal-ħruġ tal-Festa ta’ San Filep, insibu miktub hekk: “Io infra scritto dichiarò dʼaver ricevuto dal Sacerdoto Tommaso Debono Procuratore come sopra la somma di scudi cinquanta i quali sono per la Banda di San Filippo.” 50 Scud jew € 9.71. Filippo Galea jirċievi 50 skud mingħand is-Saċerdot Tommaso Debono, il-prokuratur tal-festa taʼ San Filep u jiddikjara u jiffirma li kienu fʼisem il-Banda di San Filippo għas-servizzi mużikali tagħha, jumejn biss wara li kienet kif għaddiet il-festa tas-sena 1857.
14/05/1858Mill-Arkivju tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, mir-reġistru tal-ħruġ tal-Festa ta’ San Filep, insibu miktub hekk “A Filippo Galea per la Banda nella processione per due servizzi e la bevanda.” 46.0 scud jew € 8.93. Il-Prokuratur tal-festa kien is-Saċerdot Tommaso Debono.
05/09/1858Il-Banda di San Filippo kienet mistiedna għaċ-ċelebrazzjonijiet kbar Ad unur San Gawdenz. Il-purċissjoni bil-għadam ta’ dan il-qaddis saret mill-knisja ta’ Santa Maria ta’ Mamo għall-knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Mal-Arċipriet Tommaso Naudi ħadu sehem ukoll il-fratellanzi kollha, numru kbir ta’ saċerdoti mill-Belt Rohan u tal-parroċċi ġirien. Il-festa għalqet b’wirja ta’ logħob tan-nar.
11/05/1859Il-Banda di San Filippo tesegwixxi programm mużikali għall-festa ta’ San Filep fuq il-palk għall-banda. Dan kien l-ewwel palk u kien sar u ntrama mill-mastrudaxxa mastru Gian Patist Gatt li tħallas ta’ xogħolu f’Jannar 1860. Ref. Salv Caruana, Il-Palk Skorfina, 12th May Band & Social Club, 21/5/1997.                                                                         
1859Mill-Arkivju tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, mir-reġistru tal-ħruġ tal-Festa ta’ San Filep, insibu miktub hekk “A Filippo Galea per la Banda.” Sc.45.0. jew € 8.74.
28/09/1859Mill-Arkivju tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, mir-reġistru tal-ħruġ tal-Konfratellanza tal-Madonna taħt it-titlu tal-Duluri, insibu miktub “A Filippo Galea per la banda fatta nelle processione solenne nel giorno festivo.” 10.3.12. scud jew € 1.1. Il-Prokuratur tal-Knisja kien Salvatore Said.
1860Mill-Arkivju tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, mir-reġistru tal-ħruġ tal-Festa ta’ San Filep, insibu miktub hekk “A Filippo Galea per la Banda e inclusa la bevanda.” 46.0 scud jew € 8.93.

 

Parti mill-uniformi militari u oġġetti (spalletti, kullar tal-għonq u ktieb tal-talb) ta’ Mro Filippo Galea jinsabu għal wiri fis-sala prinċipali tal-Każin Banda San Filep
Ritratti tal-Fundatur tal-Banda di San Filippo s-Surmast Filippo Galea
2 Fir-reġistru tal-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju nsibu li fl-1846 din il-Fratellanza għamlet xi spejjeż biex tħallas “Ai sonatori della Banda”
3Imbagħad fil-festa tal-1849 il-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju ħallset lill-“Banda a Filippo Galea”
4 Ir-reġistru tal-Fratellanza tal-Madonna tal-Karità miżmum fl-Arkivju tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ
5 Fl-1851 tissemma għall-ewwel darba “Banda di San Filippo” għaliex il-Fratellanza tal-Madonna tal-Karità ħallsitha tal-ispejjeż li għamlet fil-festa
9 Fil-minuti tal-laqgħat tal-Banda San Filep insibu li l-istess banda daqqet fil-funeral ta’ Mro Filippo Galea
6 Il-Gvernatur William Reid irregala uniformi lill-bandisti tal-Banda San Filippo. Li għada miżmuma fil-Każin Banda San Filep
Il-Librerija tal-mużika (Arkivju) msemmi għall-Fundatur tal-Għaqda Mro Filippo Galea, Xogħol tal-injam u skultura li sar minn Mastru Bartolomeo Casha u membri tal-familja tiegħu
Maestro Angelo Galea u Maestro Giovanni Le Brun

 

Il-ktieb fejn hemm imniżla t-tifħiriet ta’ Mro Filippo Galea. Isem tat-triq

Referenzi:-

1a u b  –  Mifsud Bonnici Robert (1951). Mużiċisti u Kompożituri Maltin u Għawdxin tal-Bieraħ u tal-Lum.

2, 3, 4 u 5  –  Arkivju tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ.

4   –  Vella Bondin Joseph (2000). Il-Mużika ta’ Malta fis-sekli dsatax u għoxrin – Paġna 98.

5  –  L-festa ta’ San Filep, Mariella Attard, 1985 – Pġ 36.

6  –  Każin Banda San Filep (2001). Il-Ġrajja tal-Każin Banda San Filep – Paġna 15.

7a  –  Każin Banda San Filep (2001). Il-Ġrajja tal-Każin Banda San Filep – Paġna 17.

7b  –  Schiavone Michael (1997). L-istorja tal-Każin tal-Baned f’Malta u Għawdex Vol.1, Paġna 130.

8  –   Schiavone Michael (2009). Dictionary of Maltese Biographies Vol.2, Paġna 866.

9   –  Filminuti tal-laqgħat tal-Banda San Filep insibu li l-istess banda daqqet fil-funeral ta’ Mro Filippo Galea.

© Avvenimenti tal-Għaqda Każin Banda San Filep mill-1851 sal-2018.

Riċerka tal-Arkivista l-Kav. John Gafà © 29/06/2018

To top