Oliver John Gulia twieled Ħaż-Żebbuġ fil-5 ta’ April 1924, minn Salvatore u Maria Carmela mwielda Cilia, f’dar fil-bidu ta’ Triq il-Kbira li għadha ġġib l-isem Rohan Terrace. Tawh l-ismijiet Oliver, Joannes, Philippus, Aaron u Joseph Maria. Tgħammed mill-Arċipriet Salvatore Milanese. Għex għal xi żmien Bormla fil-Kottonera u wara ġie Ħaż-Żebbuġ, fejn għal ħafna snin baqa’ joqgħod sal-aħħar ta’ ħajtu. Oliver iżżewweġ lil Joanna Antida mwielda Borg fis-26 ta’ Diċembru 1955, u kellhom tlett itfal – Kenneth, Alan u Gavin.
Huwa ħa l-ewwel edukazjoni fil-Lyceum u wara fl-Università fejn iggradwa bħala Prokuratur Legali fl-1943, ġab il-Baċellerat tal-Arti fl-1946, iggradwa bħala Nutar Pubbliku fl-1948 u mbagħad bħala Avukat fl-1949. Huwa ġie appuntat Avukat tal-Kuruna fl-1957. Man-nomina tiegħu ta’ Avukat tal-Kuruna huwa intefa’ għal kollox fix-xogħol legali tal-Avukat Ġenerali. Fl-1966 laħaq Avukat tal-Kuruna Anzjan u wara Deputat Avukat Ġenerali fl-1971. Kien ukoll Aġent Avukat Ġenerali għal Malta għal diversi perjodi bejn l-1969 u l-1974. Fis-sena 1974 Oliver inħatar Imħallef tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-Appell u dam sal-1983, sakemm irtira mix-xogħol. Ta’ min isemmi wkoll li bejn is-sena 1966 u 1974 l-Imħallef Oliver Gulia kien wieħed mill-esperti legali fuq diversi kumitati tal-Ewropa u attenda bħala konsulent legali ma’ diversi delegazzjonijiet tal-Gvern barra minn Malta. Insibu wkoll li Oliver kien delegat tal-Għaqda tal-Malti tal-Università u fl-1947 kien delegat fl-Assemblea Nazzjonali li ħejjiet proposti għall-Kostituzzjoni ġdida ta’ Malta wara l-gwerra.
Gulia kien attiv f’ħafna għaqdiet fosthom fl-Azzjoni Kattolika fi żmien il-gwerra. Flimkien ma’ Dun Karm Gatt u mas-Surmast Amante Attard, huwa waqqaf iż-Żebbuġ Rangers Football Club qabel il-gwerra u serva bħala President ta’ dan il-klabb għal diversi snin. Serva bħala chairman tal-Cottonera Civic Committee mill-1951 sal-1958, kien membru fil-Personal Injuries Scheme Committee mill-1953 sal-1957, viċi-chairman tal-Construction Wages Council mill-1954 sal-1957, kumissarju tal-elezzjoni mill-1955 sal-1957 u bejn l-1976 u l-1978, huwa nħatar ukoll chairman tal-Land Arbitration Board. Fil-gwerra Dott. Gulia serva fl-RMA fis-sezzjoni tar-radar u ngħata medalja magħrufa bħala d-Difence Medal Star. F’Jum Ħaż-Żebbuġ tas-sena 2010 l-Imħallef Oliver Gulia ngħata l-premju Ġieħ Ħaż-Żebbuġ mill-Kunsill Lokali.
Il-pubblikazzjonijiet tiegħu bħala xogħol legali jinkludu The Malta Consiglio Popolare fl-1956, Appelli Kriminali fl-1966 u The Public Servant in Maltese Law fl-1968. Fl-1950 huwa ppubblika antoloġija ta’ poeżiji Maltin bl-isem Mill-Ġnejna Maltija.
L-Imħallef Oliver Gulia serva bħala President tal-Każin Banda San Filep bejn is-sena 1951 u 1958.
10/05/1951 | Infetħu toroq wiesgħa li ssemmew Triq Antonio Sciortino u vjal li jwassal għal fejn Bieb De Rohan bl-isem Vjal il-Bieb, mill-Prim Ministru Dott. Ġorġ Borg Olivier. Wara l-Prim Ministru kien mistieden fil-Każin Banda San Filep. |
1952 | Jitfassal statut ġdid. Issir elezzjoni kontestata bejn żewġ gruppi u jitlaʼ l-kumitat imlaqqam Tat-Tfal. Din it-tip ta’ kontestazzjoni bejn żewġ gruppi ta’ membri baqgħet tirrenja għal tliet elezzjonijiet konsekuttivi oħra wara din. L-aħħar waħda kienet fis-sena 1957. |
02/06/1953 | Fil-Belt Valletta, is-Soċjetà Każin Banda San Filep ħadet sehem fi sfilata li saret f’ġieħ l-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II. |
03/05/1954 | Żjara fʼMalta mir-Reġina Eliżabetta II u d-Duka ta’ Edinburgh fuq il-jott irjali H.M.S. Britannia. Il-Banda San Filep tatha tislima fil-Belt Valletta. |
04/05/1954 | Il-Banda San Filep tagħti tislima lir-Reġina Eliżabetta II u d-Duka ta’ Edinburgh billi daqqet l-Innu Nazzjonali (God Save The Queen) waqt li kienu għaddejjin minn Triq l-Imdina kantuniera ma’ Triq l-Isqof Caruana fʼĦaż-Żebbuġ. It-tifla Gracie Baldacchino megħjuna mill-President Dott. Oliver John Gulia L.L.D. f’isem is-Soċjetà Każin Banda San Filep preżentatilhom bukkett fjuri. Fir-ritratt mehmuż jidhru Mro Adeodato Gatt, Carmelo Baldacchino, Abel Psaila, Dott. Oliver Gulia, Raffaele Felice, Carmelo Coliero (bandist) u oħrajn. |
07/04/1955 | Seħħet splużjoni kbira f’parti mill-kamra tan-nar ta’ San Filep fil-limiti tal-Kandlora. |
10/04/1955 | Isir il-funeral tal-vittmi li mietu fl-isplużjoni tal-kamra tan-nar ta’ San Filep – Philip Cassar Is-Simillu, Philip Xuereb Ta’ Karlu, Ġamri Farrugia Il-Bibillu u Anthony Debono Il-Paradajs. Il-Banda San Filep akkumpanjat fil-funeral b’daqq ta’ marċi funebri. |
24/04/1955 | Is-Sinjuri Rafel Felice, Adeodato Gatt, Philip Chircop, Amabile Cachia, John Bondin, Rokku Fenech, Philip Cachia, Saver Sciortino, Andrew Cilia, Gawdenz Tanti, Abel Xuereb, Nazzarenu Felice u Abel Psaila ndaħlu biex jagħmlu tajjeb għal self ta’ flus biex jinbena l-każin. Il-kuntratt sar fid-dar tal-President tal-Każin Dott. Oliver Gulia. |
12/05/1955 | Tkompli tikber il-festa ta’ barra b’aktar marċi, armar u logħob tan-nar, l-aktar ġigġifogu. |
16/05/1955 | Is-Sur Andrew Zammit bagħat ċekk ta’ 108 dollari jew € 91.5, li ġabar mill-emigranti tal-Kanada, biex jingħata lill-familji tal-vittmi tan-nar. |
16/08/1955 | Il-bini tal-Każin kien qiegħed isir mill-bennej Philip Chircop u kien taħt is-superviżjoni tal-Perit Dom Mintoff. Peress li kien fi stat avvanzat, ġie deċiż li jinħareġ avviż sabiex jgħarraf lill-membri li s-sala tal-Każin kienet miftuħa għall-kiri. Bʼhekk Ħaż-Żebbuġ kellu l-ewwel sala pubblika. |
1955 | Pawlu Mifsud beda l-karriera tal-biljard mal-Każin Banda San Filep. Aktar tard sar ċampjin tad-dinja. Huwa ġie onorat bʼĠieħ ir-Republika taʼ Malta fit-13 taʼ Diċembru 1999 mill-President Dr Anton Buttigieg. |
16/10//1955 | Is-sala Mayfair tal-Każin Banda San Filep bdiet tintuża biex isiru t-tiġijiet. Salvatore Marmarà u Maria imwielda Farrugua kienet l-ewwel kopja li użaw għall-riċeviment tat-tieġ tagħhom. |
29/10/1955 | Saret dikjarazzjoni b’ġurament dwar tfigħ ta’ nar fil-baħar quddiem il-Maġistrat Dott. Joseph Salamone Reynaud minn Dr Oliver Gulia, Abel Psaila, Carmelo Cascun, Raffaele Felice, Joseph Camilleri, Jos Pisani, Carmelo Baldacchino, John Zammit u David Farrugia. |
13/11/1955 | Il-Banda San Filep esegwiet programm mużikali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Adeodato Gatt. Wara ġie nawgurat il-bini l-ġdid tal-Każin mill-Prim Ministru ta’ Malta l-Perit Dom Mintoff u mbierek mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Mikiel Gonzi. Kien hemm mistiedna wkoll l-Arċipriet Dun Lorenzo Zammit u l-kleru, il-Ministru Ġużè Ellul Mercer, in-Nutara Ġużè Abela u Nikola Said, l-Avukat Joseph Pace, il-Prof. Philip Farrugia, Dun Luret Callus, Mons. Salvatore Milanesi, dawk li sellfu l-flus u mistiedna distinti oħra. Wara sar festin kbir fil-Każin. |
15/05/1956 | Is-sala Mayfair Cinema tal-Każin Banda San Filep bdiet tintuża wkoll biex jintwerew il-films. Kien hemm żewġ projectors tat-tip Kalee 12. |
15/06/1956 | L-ewwel film li ntwera fis-sala Mayfair kien Kiss Me Kate. Ta’ min isemmi li meta ntwera dan il-film ma kienx hemm siġġijiet u ħafna minn dawk li attendew baqgħu bilwieqfa. Din is-sala kienet popolari ħafna l-aktar il-Ħadd waranofsinhar. Is-sala Mayfair baqgħet tintuża għall-wiri tal-films sal-1979. |
06/04/1957 | Mro Adeodato Gatt intgħażel biex imexxi l-Banda Nazzjonali ta’ Malta, fir-Radio City Operahouse. Dan il-programm, fost mużika oħra kien jinkludi l-kompożizzjonijiet tiegħu Ave Maria u In Sepulcrum. Il-poplu preżenti tah applaws kbir u fil-ġranet ta’ wara l-gazzetti Maltin faħħru mhux biss id-direzzjoni soda, iżda wkoll il-kompożizzjonijiet ta’ dan is-surmast bravu. |
27/02/1958 | Reġgħet bdiet tintuża l-kamra tan-nar tal-Kandlora wara li nħareġ il-permess mill-Pulużija u nbniet mill-ġdid. |
1958 | Jissoktaw l-elezzjonijiet fejn għall-ewwel darba l-uffiċjali eżekuttivi tal-Għaqda, jiġifieri l-President, is-Segretarju u t-Teżorier, kellhom elezzjoni differenti minn tal-membri. |
L-Għaqda Każin Banda San Filep ħatret lil Dott. Oliver Gulia bħala President Onorarju u baqa’ jżomm din il-kariga sal-aħħar ta’ ħajtu. L-Imħallef Oliver Gulia ħalla din id-dinja nhar is-Sibt 17 ta’ Diċembru 2016 u qed jistrieħ fiċ-ċimiterju tal-Addolorata f’Raħal Ġdid fis-sezzjoni Lvant A-P 17.
Referenzi:-
Leħen il-Belt De Rohan. Mejju – Awwissu 1974. Ħaż-Żebbuġ.
Schiavone M. (2009). Dictionary of Maltese Biographies – Volume 2.
Ktieb tal-Festa tal-Għaqda Każin Banda San Filep 2001 – Paġna 99 u 100.
Każin Banda San Filep (2001). Il-Ġrajja tal-Każin Banda San Filep.
© Avvenimenti tal-Għaqda Każin Banda San Filep mill-1851 sal-2018.
Riċerka tal-Arkivista l-Kav. John Gafà © 29/06/2018