L-Avukat Joseph G. Borg twieled il-Furjana fil-5 ta’ Marzu 1928, minn David u Josephine imwielda Gatt. Fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija flimkien mal-familja tiegħu mar joqgħod Ħaż-Żebbuġ. L-ewwel dar kienet fi Triq tal-Grazzja għand xi familjari tagħhom u wara marru joqogħdu f’№ 41, Triq Sant’ Antnin. Huwa dam jgħix Ħaż-Żebbuġ sal-1970.
Dott. Borg ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ San Alwiġi u wara fil-Liceo fejn spiċċa mill-istudji sekondarji. Wara ngħaqad mal-kors tal-liġi u ggradwa bħala Avukat fl-1952. Wara ħidma intensiva bħala Avukat fil-Qorti ta’ Malta, ġie appuntat Avukat tar-Repubblika. Matul it-tnejn u għoxrin sena li dam jaħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, fl-1966 inħatar Avukat tal-Kuruna. Fl-1982 sar Deputat Avukat Ġenerali u fl-1983 Avukat Ġenerali tar-Repubblika. Hu kien jirrappreżenta l-Gvren f’diversi kawżi ċivili u kostituzzjonali kif ukoll għamel żmien bħala Prosekutur Pubbliku f’numru ta’ ġurijiet.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, bejn is-sena 1942 u 1944, kellu x-xorti li jattendi għal-laqgħat li kien jagħmel San Ġorġ Preca għall-interni Mużewmini li dak iż-żmien kienu jgħixu Ħaż-Żebbuġ. Ta’ tnax-il sena qala’ permess speċjali mingħand Dun Ġorġ stess biex jattendi dawn il-laqgħat. Kien ukoll attiv fl-Azzjoni Kattolika u fil-klabb tal-futbol ta’ Ħaż-Żebbuġ.
L-Avukat Joseph Borg inħatar President tal-Każin Banda San Filep bejn is-snin 1959 u 1968. Borg sab irċevuta tas-sena 1851 tal-ħlas lill-Banda di San Filippo, għas servizz mużikali fil-festa tal-Madonna tal-Karità taħt id-direzzjoni tas-Surmast Filippo Galea.
Dawn huma l-avvenimenti li seħħew matul is-snin li fihom Dr Joseph Borg serva ta’ President:-
12/03/1959 | Fuq il-gazzetta taʼ kuljum “Il-Berqa” bdiet għaddejja polemika dwar l-oriġini tal-baned fʼĦaż-Żebbuġ. |
09/05/1959 | Il-programm mużikali tal-festa jibda jsir is-Sibt, lejlet il-festa minflok il-Ġimgħa fl-aħħar tridu. Din is-sena s-surmast Philip Gatt ddebuta bis-sinfonija ġdida li kkompona hu stess Jeuness akkumpanjat mill-kor tal-Hamrun immexxi minn Dun Ġużepp Cachia. Din is-sena l-palk skorfina kien ġarrab ħsarat kbar. |
01/07/1959 | Il-Kumitat Ġenerali jgħaddi riżoluzzjoni li mbagħad dehret fuq il-ġurnal “Il-Berqa” fejn sfida lil dawk li kienu qegħdin ixerrdu l-kelma li l-Banda San Filep kienet użarpat unur bħala l-ewwel banda ġo Malta, biex jieħdu lill-Banda San Filep il-Qorti jekk huma konvinti b’din it-teżi. Fir-risposta l-banda l-oħra f’Ħaż-Żebbuġ riedet taħtar kummissjoni indipendenti. |
05/07/1959 | Meta nqalgħet il-polemika dwar liema kienet l-ewwel banda f’Malta. Instabu dokumenti awtentiċi fl-arkivju tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ li jippruvaw li din kienet il-Banda San Filep, li kienet twaqqfet fis-sena 1851. |
31/03/1960 | Il-kumitat kellu konferma indipendenti li mir-riċerki fl-arkivju tal-Knisja Arċipretali l-Banda San Filep kienet daqqet l-ewwel darba fis-sena 1851. Dan meta kienu qegħdin isiru preparamenti biex il-Banda tiċċelebra l-ewwel ċentinarju, allura l-kumitat u l-membri f’laqgħa ġenerali li saret f’Awwissu tal-1960 approvaw li fis-sena 1961 jiġi ċċelebrat il-110 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda San Filep. |
15/05/1960 | Iċċelebrata l-festa ta’ San Filep minn Monsinjur Arċisqof Mikiel Gonzi li wara żar il-Każin Banda San Filep. Wara sar programm mużikali mill-Banda u saru diskorsi mill-Eks-President Dun Luret Callus, il-Prof. Philip Farrugia u l-Imħallef Dott. Oliver Gulia. Kien ippreżentat stendard ġdid lill-Każin San Filep. Din is-serata kienet imxandra fuq il-mezzi tax-xandir ta’ dak iż-żmien – ir-Rediffusion. |
05/01/1961 | Il-kumitat tal-Każin Banda San Filep jiddeċiedi li jżomm pożizzjoni newtrali fil-kwistjoni nazzjonali politiko-reliġjuża. |
08/01/1961 | Tibda l-polza tas-sigurtà waqt il-ħruq tal-logħob tan-nar. |
11/05/1961 | Imfakkar il-mija u għaxar anniversarju mit-twaqqif tal-Banda San Filiep. Sar programm mużikali taħt id-direzzjoni ta’ Mro Adeodato Gatt fil-preżenza tal-Gvernatur Sir Guy Grantham u tal-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi. Inkixfet lapida kommemorattiva mal-faċċata tal-Każin. Kien hemm preżenti wkoll Dun Loreto Callus, Robert Mifsud Bonnici u ħafna għaqdiet tal-baned u mistiedna oħra. |
11/05/1961 | Il Banda San Filep fakkret il-110 anniversarju tagħha taħt il-Patroċinju tal-Gvernatur taʼ Malta Sir Guy Gratlam. Ġie esegwiet programm mużikali u l-Presidenti tal-Każin Dun Loreto Callus, il-Prof. Philip Farrugia u Dott. Oliver Gulia indirizzaw id-diskorsi. Il-mistieden speċjali kien Mons. Mikiel Gonzi u fl-aħħar kienet ippreżentata bandalora. Din iċ-ċerimonja għalqet bʼesebizzjoni ta’ logħob tan-nar u kaxxa infernali tal-kulur, maħdumin minn Salvu Borg. |
30/05/1961 | Issejħet laqgħa ġenerali straordinarja biex tiddiskuti l-isem taʼ fuq il-bini tal-Każin ġdid li fuq tabella kellu St Philip Band & Social Club. Il-President Dott. Joseph Borg għan-nom tal-Każin Banda San Filep bagħat protesta lill-Kummissarju tal-Pulizija Vivian de Gray. |
13/05/1962 | Il-festa ta’ San Filep issir minn żewġ soċjetajiet – il-Każin Banda San Filep u t-12th May Band & Social Club. |
07/07/1962 | Miet l-Eks-President Dun Luret Callus. Fil-funeral akkumpanjatu l-Banda San Filep taħt id-direzzjoni ta’ Mro Adeodato Gatt, il-President tas-Soċjetà u membri oħra. |
20/09/1962 | Mro Philip Gatt inħatar surmast direttur tal-Banda San Filep (1962 – 1986). |
12/11/1962 | Jinħatar Dun Karm Gatt bħala Direttur Spiritwali tal-Każin Banda San Filep. |
03/02/1963 | Il-President Dott. Joseph Borg kixef lapida kommemorattiva fl-intrata tal-Każin Banda San Filep li tagħti ġieħ lil Dun Luret Callus. |
14/04/1963 | Il-Banda San Filep ħadet sehem fil-purċissjoni tal-istatwa taʼ Kristu Rxoxt fil-Parroċċa ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi. |
12/05/1963 | Il-Banda San Filep għamlet programm mużikali fuq il-palk “Skorfina” għall-okkażjoni tal-ewwel ċentinarju tal-miġja fostna tal-istatwa ta’ San Filep. Dan il-palk intrama għall-aħħar darba fi Triq Campis, fil-wesgħa taʼ quddiem id-Domus. Skond tagħrif li sibnha dan il-planċier kien ġralu l-ħsara għax sfronda l-qieħ tiegħu. |
26/11/1963 | F’Ottubru s-saċerdot Żebbuġi Dun Lawrenz Cachia ħa l-pussess tiegħu tal-knisja Arċipretali (1963 – 1984). Fl- 01.12.1963 Dun Lawrenz għamel ewwel żjara tiegħu fil-Każin Banda San Filep, fejn kien milqugħ mill-presidenti onorarji, mill-kumitat u minn bosta soċji. Dun Lawrenz qabel kien Kappillan il-Gudia. |
23/02/1964 | Wara assenza ta’ tliet snin minn meta l-Arċipriet Lawrenz Zammit ma kienx laqqa’ l-kumitat tal-festa, dan jerġa’ jiltaqa’ iżda ma kien hemm ebda rappreżentanza mill-każin l-ieħor. Wara, l-Arċipriet xoljieh. |
10/05/1964 | Tiżżanżan il-bradella l-ġdida għall-istatwa taʼ San Filep, fost il-ferħ tal-partitarji. L-Arċisqof ma jibqax iżur ta’ kull sena l-festa ta’ San Filep. Il-Banda San Filep bdiet iddoqq nhar it-12 ta’ Mejju – festa liturġika ta’ San Filep. |
17/09/1964 | Il-Banda San Filep għamlet marċ mat-toroq ta’ Ħaż-Żebbuġ biex tiċċelebra l-avveniment tal-Indipendenza. |
09/05/1965 | Il-Każin Banda San Filep jippubblika l-fuljett bil-programm tal-festa bħala ktejjeb. Lejlet il-festa l-Banda San Filep għamlet programm mużikali taħt id-direzzjoni ta’ Mro Philip Gatt. |
10/03/1966 | Tiġi deċiża l-kawża pendenti l-Qorti dwar irregolaritajiet fil-finanzi tas-Soċjetà. Kien sar ftehim li titħallas is-somma dovuta taʼ £800 (€1863.50) lis-Soċjetà u l-ħlas tal-ispejjeż tal-Qorti li kien £145.19s.1d. (€340). L-ammont tħallas u l-kawża spiċċat darba għal dejjem. |
23/05/1966 | Ħalla din d-dinja Mro Adeodato Gatt fl-eta ta’ 68 sena magħruf bħala Taʼ Buġieni. Dan is-Surmast dam idderieġa l-Banda San Filep għal aktar minn 40 sena sħaħ. Adeodato twieled fis-26 ta’ Ġunju, 1898. Fil-funeral tiegħu ħadu sehem għadd kbir ta’ baned minn kull rokna ta’ Malta u għaqdiet oħra billi rrapreżentaw l-istendard tagħhom. Akkumpanjatu wkoll il-Banda San Filep A.D. 1851 taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Antonio Muscat Azzopardi. |
26/05/1967 | L-Isqof Redent Maria Gauci O.Carm. żar il-Każin Banda San Filep u ħalla l-karlotta tiegħu bħala tifkira. Il-membri tal-Każin ippreżentawlu somma flus għall-missjoni. |
11/06/1967 | Beda jsir il-marċ ta’ filgħodu taħt id-direzzjoni ta’ Mro Philip Gatt nhar il-festa titulari, li kien mill-ewwel suċċess kbir. Kienet saret pittura fuq id-drapp minn Philip Briffa. |
11/05/1968 | L-Għaqda stiednet lill-Eċċellenza Tiegħu l-Isqof Emanuel Gerada għal riċeviment f’ġieħu. Bħala tifkira sar il-bdil tal-karlotta tiegħu, li għadha miżmuma b’għożża kbira fil-Każin. |
15/05/1968 | Il-Każin Banda San Filep żanżan bandiera ġdida li nħadmet fil-Malta Drydocks. Is-Sur Philip Briffa (Taʼ Ġienu) għamel id-disinn u ħa ħsieb ix-xogħol tagħha. |
L-Eks-Kaxxier tal-Għaqda Każin Banda San Filep is-Sur Salvatore Chetcuti dejjem sostna hekk dwar l-Avukat Joseph Borg: “Iż-żmien li matulu l-Avukat Joseph Borg kien President ta’ din l-Għaqda, kien perjodu tassew diffiċli għal dan il-Każin. Dawk li bħali kienu fil-kumitat li mexxa, bqajna sal-lum napprezzaw is-siwi tal-pariri għaqlija tiegħu.”
Fl-1970 l-Avukat Borg iżżewweġ lil Audrey imwielda Pace u kellhom żewġ ulied – David, Avukat li jaħdem fil-qasam lingwistiku fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu, u James, Senior Lecturer tal-Matematika fl-Università ta’ Malta. Meta Dott. Borg spiċċa mill-kariga ta’ Avukat Ġenerali reġa’ beda jaħdem bħala avukat fil-qrati ta’ Malta. Matul dan iż-żmien ħadem ħafna fil-volontarjat. Kellu għal qalbu ħafna l-Azzjoni Kattolika u għamel żmien bħala President tal-Moviment Gradwati fi ħdan din l-għaqda. Attenda diversi fora barranin u għal diversi snin ikkontribwixxa fi programmi tar-radju RTK fejn kien iwieġeb mistoqsijiet ta’ natura legali li kienu jagħmlu s-semmiegħa ta’ dan l-istazzjon. Il-Moviment ta’ Kana kien jistiednu sabiex jagħti taħditiet lill-għarajjes li jattendu l-kors ta’ qabel iż-żwieġ. Kien ukoll appuntat membru ta’ diversi kumitati kemm mill-Gvren kif ukoll mill-Knisja fejn kien membru tal-Kunsill Finanzjarju Djoċesan u kumitati oħra. Għal xi żmien il-Mid-Med Bank ħatru Chairman tal-Appeals Board. Kien jattendi diversi korsijiet ta’ tagħlim fuq l-Iskrittura. Kellu għal qalbu ħafna l-qari tal-Bibbja u ma kienx jgħaddi jum li ma jqattax ftit ħin jaqra xi silta kif ukoll jgħid ir-Rużarju. Fl-1976 l-Artist Esprit Barthet pitter lill-Avukat Joseph Borg.
L-Avukat Joseph Borg mar jiltaqa’ mal-Mulej nhar is-Sibt 22 ta’ Novembru 2008. Dakinhar jinzerta jum iddedikat lill-Madonna, li tagħha kien tant devot. Skont ix-xewqa tiegħu, indifen fil-qabar tal-familja, f’Kompartament B, № 12, fiċ-Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù f’Ħaż-Żebbuġ.
Referenzi:-
Tagħrif miġbur mingħand is-Sinjura Audrey Borg, mart l-Avukat Joseph Borg.
Ktieb tal-Festa tal-Għaqda Każin Banda San Filep 2001 – Paġna 101
Ktieb tal-Festa tal-Għaqda Każin Banda San Filep 2009 (Paġna 231).
© Avvenimenti tal-Għaqda Każin Banda San Filep mill-1851 sal-2018.
Riċerka tal-Arkivista l-Kav. John Gafà © 29/06/2018