Is-Sur Carmelo Zammit magħruf bħala Ta’ Xafrin twieled Ħaż-Żebbuġ u kien jgħix fid-dar № 3 fi Triq Manoel. Carmelo kien negozzjant kbir tal-qoton u kellu ’l fuq minn mitejn ħaddiem jaħdmu f’dan ix-xogħol. Miegħu kienu jaħdmu xi Għawdxin u minflok jagħtihom il-paga, Carmelo kien jipprovdilhom post fejn jorqdu u jagħtihom l-ikel b’xejn. Hu kien ta somma flus lil Antonio Callus biex issir statwa ta’ Sant’ Agata (patruna tan-nissieġa) għall-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Fil-fatt din saret fl-1895 mill-istatwarju Vincenzo Cremona.
Carmelo Zammit serva bħala President tal-Filarmonika San Filippo bejn is-snin 1895 u 1900 u bejn l-1908 u l-1911. Bejn l-1857 u l-1885 il-Banda San Filippo kienet tagħmel il-kunċerti fir-residenza tiegħu. Dan ġara għax il-banda kienet kibret fin-numru ta’ bandisti u l-każin kien sar żgħir għaliha. Carmelo kien benefattur kbir tal-Filarmonika tant li kien iħallas l-ispejjeż kollha tal-banda. Ta’ min isemmi li meta xi bandist kien ikollu tarbija, Carmelo kien jagħtih Lm3 (€7) bħala rigal.
Insibu li fl-20 ta’ Novembru 1896, il-President kien ħallas is-somma ta’ 10/- (għaxar xelini) (€0.60) lil Bartolomeo Casha biex xtara mejda tal-kawba għall-Casino San Filippo.2a Hemm dokumentat ukoll li fil-15 ta’ Mejju 1902, il-Maestro di Cappella Ricardo Bugeja ffirma rċevuta għall-ħlas ta’ Lm13.19s (€15.20) li kien irċieva mingħand in-negozjant Carmelo Zammit, għad-daqq ta’ mużika esegwita waqt il-festa ta’ San Filep fil-Knisja Parrokjali ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Fit-3 ta Ġunju 1906, Carmelo Zammit kien ħallas lil Francesco Galea s-somma ta’ Lm9.06s (€10.70) li kienet tinkludi x-xogħol u l-ispejjeż tal-materjal, biex saru wieħed u tletin uniformi għall-bandisti tal-Banda San Filippo.2c Ġieli wkoll kien jibagħt il-banbisti għand il-ħajjat Felic Agius (Tat-Twil). B’inizjattiva tal-President Carmelo Zammit u l-membri tal-Kumitat tal-Filarmonika San Filippo, l-aħwa Żaren u Filippo Felice (Ta’ Faruni) li kienu negozzjanti tal-inbid u li kellhom il-fabbrika biswit il-Knisja tal-Anġli, pprovdew ir-residenza № 290, Strada Reale, Ħaż-Żebbuġ, lis-Surmast Taljan Angelo Melilli biex jiġi joqgħod fiha mal-familja tiegħu. Qabel, dan is-Surmast kien joqgħod fid-dar № 69, Strada Bongiorno, Bormla.
Is-Sur Carmelo Zammit miet nhar it-28 t’Ottubru 1911, u fil-funeral akkumpanjatu l-Banda San Filippo taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Kav. Alfred Porkiman Hare. Kienu ħadu sehem ħafna għaqdiet mużikali bir-reppreżentanti tal-kumitat, l-istandarti tagħhom flimkien ma bosta mużiċisti u persuni distinti u l-poplu Żebbuġi.
Skont is-Superjur tal-M.U.S.E.U.M. is-Sur Anthony Debono, il-korteo tal-funeral kien twil mid-dar tiegħu, għal fejn il-Knisja tal-Anġli, għal Strada Reale u sal-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, u kien għad baqa’ n-nies id-dar. Dan kien wieħed mill-akbar funerali li sar fil-Belt Rohan. Għall-funeral kien attenda wkoll is-Surmast Angelo Melilli li kien għadu namruż ħafna għall-Banda San Filep u li kien ħabib kbir ta’ Carmelo. Melilli waqt il-korteo qagħad ippoża quddiem il-Banda. Meta nduna bih is-Surmast Alfred Hare, raġel wieqaf u ta’ karattru li juri d-dixxendenza tiegħu Ingliża, mar fuq Angelo Melilli u qallu, “Issa jien is-Surmast Direttur tal-Banda San Filep!”,3 peress li t-tmexxija kienet għaddiet f’idjh. Fir-registru tal-kaxxier tal-Każin Banda San Filep jidher il-ħlas Per cinque ghirlande di fiori al funerale di Carmelo Zammit.
Nhar l-4 ta’ Novembru 1911, fil-ħarġa tal-gazzetta “In-Naħla Maltija”, propju f’paġna 1306, inkiteb hekk: “Nitolbu bil-qalb għar-ruħ tan-negozzjant Carm Zammit, President tal-Banda San Filippo ta’ Ħaż-Żebbuġ, li miet ftit ġranet ilu; mibki minn kulħadd, billi kien bniedem ta’ qalb ħanina ħafna u li kien jagħmel karità kbira billi kien iħaddem mal-mitejn familja fil-qotnina. Huwa ħalla fit-testment lil uliedu, li jkomplu n-negozju biex ma jnaqqsux il-ħobż lil dawn il-ħafna foqra. Veru karità nisranija.”
Kitba u Riċerka tal-Arkivista John Gafà ©