Il-Banda San Filep taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Richard Bugeja FLCM, FVCM(Hons.), għamlet kunċert mużikali mill-aqwa taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru l-Onor. Dr Lawrence Gonzi, nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Ġunju 2011 fl-okkażjoni tal-160 anniversarju mit-twaqqif tagħha.
Minbarra l-innijiet ta’ San Filep, tal-banda u dak nazzjonali, indaqqu żewġ kompożizzjonijiet sbieħ ta’ surmastrijiet tagħha u erba’ ta’ kompożituri ta’ fama mondjali. “Fanfare, Theme & Flourishes for a Celebration” ta’ Richard Bugeja, is-surmast direttur tal-banda indaqqet għall-ewwel darba u l-“Omaggio alla Banda San Filippo” ta’ Adeodato Gatt ilu jindaqq mill-1935. Kien hemm ukoll siltiet mużikament impenjattivi bħall-marcia mit-Tannhauser ta’ Wagner, Peer Gynt (suite 1) ta’ Edward Grieg, Morning, Noon and Night in Vienna ta’ Franz von Suppè u l-Overture Solennelle 1812 ta’ Pyotr Tchaikovsky.
Il-presentaturi Graziella Attrad u Brian Bonnici taw tagħrif interessanti fil-qosor mill-istorja mżewqa tal-Għaqda. Saru diskorsi mill-President tas-Sezzjoni taż-Żgħażagħ Josef Cachia mill-President tal-Għaqda Dr. Godfrey Farrugia u mill-Prim Ministru. Dr Lawrence Gonzi wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma volontarja li ssir fil-każini tal-baned, u b’mod partikulari faħħar lill-Banda San Filep li bħalissa għandha wieħed u ħamsin bandist tal-post ħafna minnhom żgħażagħ. Huwa feraħ ukoll lis-surmast Richard Bugeja għall-ġmiel ta’ kompożizzjonijiet oriġinali tiegħu li l-Prim Ministru kellu l-opportunità jgawdi wkoll fil-kunċert li l-Banda San Filep għamlet fl-Awditorju tal-Università fil-21 ta’ Mejju 2011.
Matul il-programm ġie inawgurat il-pedestall tal-iskronġ li dis-sena kien restawrat u miżbugħ mill-ġdid. Ingħata ġieħ lis-Sezzjoni Żgħażagħ li qed jiċċelebraw ll-25 sena mit-twaqqif, lill-Grupp tan-nar li fl-għeluq id-90 sena mill-ħruġ tal-permess lis-St. Philip Fireworks Factory u lill-Grupp tal-armar li għalkemm ilu jaħdem taħt forma jew oħra għal aktar minn 87 sena qed ifakkar l-għaxar sena mindu ġie organizzat uffiċjalment bħala kummissjoni fi ħdan l-Għaqda Każin Banda San Filep.
Fost l-udjenza numeruża kien hemm il-kap tal-oppożizzjoni Dr Joseph Muscat, is-Sindku s-sur Alfred Grixti, diversi membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra bħal Dr Marlene Pullicino, Dr. Gavin Gulia, Dr Anthony Zammit u l-Perit Charles Buhagier mill-Partit Laburista, Dr Peter Micallef, il-Perit Philip Mifsud u s-sur David Agius mill-Partit Nazzjonalista. Il-Għaqda Każin Banda San Filep ingħatat diversi rigali mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, mill-Għaqdiet tal-Banda Santa Marija tal-Qrendi u tal-Banda Beland, każini f’Ħaż-Żebbuġ, somma sabiħa minn Dr Marlene Pullicino, żewġ pitturi mingħand is-sur Philip Agius kif ukoll bandiera kbira mis-Sezzjoni Żgħażagħ.
Kitba: Philip Balzan ©