Is-Sopran Joan Mangion saħħret lill-udjenza li mliet l-awditorju Sir Temi Zammit tal-Università ta’ Malta waqt serata f’ġieħha nhar is-Sibt 21 ta’ Mejju 2011, bħala ċelebrazzjoni tal-25 sena karriera tal-kant tagħha. Is-serata kienet taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru L-Onor. Dr lawrence Gonzi u għaliha attendew ukoll bosta dinjitarji fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni L-Onor Dr Joseph Muscat, il-Prim Imħallef Dr Silvio Camilleri, Imħallfin, il-Kanċillier tal-Università, membri parlamentari u mistednin distinti oħra. Is-sur Chares Abela Mizzi ippreżenta b’mod tassew ħelu u eleganti.
Il-Banda San Filep ħarġet bl-unuri fl-eżekuzzjoni ta’ tmintax-il silta mużikali impenjattivi li varjaw minn klassiku u semi-klassiku għal opra u operetta, minn valzi għal kanzunettiti.
Erba’ minn dawn is-siltiet kienu kompożizzjonijiet oriġinali tas-surmast direttur Mro Richard Bugeja F.L.C.M., F.V.C.M. (Hons.). Minn dawn ta’ min insemmu l-Ave Maria u l-Concert Waltz Jubilation li intogħġbu wisq. Il-presentatur kellu kummenti sbieħ ħafna għal banda, s-surmast u l-kantanta u l-udjenza kkonfermat li kienet ta’ l-istess fehma bl-applawsi ħerqana.
Joan Mangion bdiet il-karriera tal-kant liriku mal-Banda San Filep f’Ħaż-Żebbuġ u tul il-ħamsa u għoxrin sena li għaddew hija qatt ma falliet l-appuntament ta’ lejliet il-festa ta’ San Filep fuq il-planċier tal-Banda San Filep. Kien għalhekk li l-kumitat ta’ din il-banda laqa’ bi pjaċir l-istedina ta’ Mangion biex iddoqqilha f’dan il-kunċert kbir li ħabat ukoll mal-160 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda San Filep.
Is-siltiet li ndaqqu kienu:
- INNU ĊIVIKU ŻEBBUĠI – Philip Gatt/Pawlu Mifsud
- TRAVIATA – “Addio, del passato bei sogni ridenti” -Giuseppe Verdi
- OVERTURE – LUSTSPIEL – K. Bela
- GIANNI SCHICCHI – “O mio babbino caro” – Giacomo Puccini
- CARMEN – “Habanera” – Georges Bizet
- INTERMEZZO – Richard Bugeja
- AVE MARIA – Richard Bugeja
- CATS – “Memories” – Andrew Lloyd Webber
- OVERTURE – THE LONELY MILL – H. Lancaster
- ĦIENJA – Richard Bugeja
- THE MERRY WIDOW – “You are my Heart’s Delight” – Franz Lehar
- JUBILATION – Concert Waltz – Richard Bugeja
- AVE MARIA – Charles Gonoud
- INNO A SAN FILIPPO D’AĠĠIRA – “Ward Sabih illi jiftah bl-imhabba” – Orlando Crescimanno
- CANTA ITALIA – F. Francia
- O SURDATO ‘NNAMURATO – Andre Califano/Enrico Cannio
- UN AMORE COSI` GRANDE – G.M. Perilli/A.Maggio
- INNU NAZZJONALI – Robert Samut/D. Karm Psaila
Kitba: Philip Balzan ©