STATUA ARGENTEA – Simposju u Ktieb

Fl-1860 iż-Żebbuġin ddeċidew li jagħmlu statwa tal-patrun biex tibda tinħareġ fil-purċissjoni nhar il-festa ta’ San Filep fit-12 ta’ Mejju. Sa mill-1724 il-qofol ta’ din il-purċissjoni kienet ir-relikwa tal-qaddis li nġabet minn Aġira bil-għajnuna tal-Gran Mastru Manoel de Vilhena. Qabel aktarx kienet tinħareġ xbieha mpittra.

Beda l-ġbir għall-istatwa u dawk responsabbli bdew iwebblu ‘l-poplu biex minflok statwa tal-kartapesta jew tal-injam, kif kien qed isir fi rħula oħra, jordnaw waħda tal-fidda. Aktar minn hekk, uħud minnhom wegħdu għotja ta’ £10 jekk l-istatwa ssir tal-fidda. Biex wieħed japprezza dan, ta’ min ngħidu li dan l-ammont kien ifisser sitt xhur paga ta’ ħaddiem manwali mal-Gvern.

IMG_6838

Instabu tnax-il deputat li ntrabtu li jagħmlu tajjeb għall-ispejjes sakemm jinġabru l-flus meħtieġa kollha. L-istatwa ġiet ordnata f’Ruma, għand Tommaso Minardi. Intagħżel l-aħjar artist f’din il-bottega artistika magħrufa: Luigi Fontana li kien għad kellu 33 sena. Ix-xogħol kellu jitlesta sal-1862, imma nqalgħu intoppi, kien donnu se jisfratta, imma fl-aħħar tlesta, sena tard. Meta l-istatwa waslet fil-Belt Rohan, tant ingħtoġbot mill-poplu li saru festeġġjamenti, lill-iskultur tawħ rigali u saħansitra ħallsuh aktar milli kien miftiehem.

X’kien li mbotta liż-Żebbuġin jagħżlu li jordnaw statwa tal-fidda li swietilhom kważi £1000 meta b’£25 seta’ jkollhom statwa bħal ta’ bliet oħra? Għaliex intagħżel Fontana? X’kuntatti artisitċi kien hemm mija u ħamsin sena ilu bejn Malta u Ruma? X’kien l-inkwiet li nqala’ u li ttardja x-xogħol fuq l-istatwa? X’qalu l-kritiċi tal-arti ta’ mija u ħamsin sena ilu għal din l-istatwa? U x’jgħidu dawk tal-lum? X’importanza għandha l-istatwa tal-fidda ta’ San Filep fil-qasam artistiku? X’influwenza kellha din l-istatwa fuq il-mentalità u l-identità Żebbuġija? Għad għandha effett illum? Kif tinkwadra din l-istatwa mal-kumplament tal-ikonografija ta’ San Filep? X’importanza kellhom l-istatwi proċessjonali għall-awtoritajiet ekklesjastiċi Maltin tad-dsatax-il-seklu? Dawn kif kienu jinqdew bl-istatwi biex jagħtu messaġġ sottili lill-awtoritajiet kolonjali Ingliżi li dak iż-żmien kienu qed jippruvaw idaħħlu l-protestanismu f’Malta? U kif kienet tirreaġixxi t-tmexxija Protestanta Ingliża f’Malta? X’tip ta’ sitwazzjonijiet imbarazzanti kienu jiltaqgħu magħhom is-suldati Ingliżi waqt il-festi Maltin?

Dawn u mistoqsijiet oħra ġew esplorati minn tmin studjużi, sitta Maltin u tnejn Taljani, li għamlu riċerka u kitbu skont il-linja ta’ speċjalizzazzjoni tagħom. Dawn il-kitbiet oriġinali tal-Prof Keith Sciberras, Dr Simon Mercieca, Dr Philip Sciortino, l-Prof Oliver Friggieri, Mark Sagona, mill-Universita ta’ Malta, Raymond Saliba mill-Mużew tal-Kattidral, Marisa Calisti u l-Prof Giovanna Capitelli mill-Universita ta’ Calabria, huma miġburin fi ktieb ta’ 256 paġna illustrati b’156 ritratt ta’ statwi, pitturi u disinji, fil-parti l-kbira minnhom xogħol Joe P. Borg. Uħud minnhom qatt ma kienu ppublikati qabel. Fost id-disinji hemm uħud oriġinali li saru minn Philip Agius apposta għal dan il-ktieb, waqt li oħrajn ta’ Salvator Busuttil li jinsabu l-Bibjoteka Rumana Antonio Sarti qed jiġu ppublikati għall-ewwel darba. Ritratti oħra juru l-ġmiel tal-istatwa li hija s-suġġett tal-ktieb.

Dan il-ktieb tnieda waqt simposju li se sar nhar il-Ġimgħa 31, fil-Każin Banda San Filep, Ħaż-Żebbuġ. Mexxa s-simposju il-Professur Keith Sciberras, kap tad-Dipartiment tal-Arti fl-Universita ta’ Malta. Tkellmu wħud mill-kittieba, Dr Philip Sciortino, Dr Simon Mercieca, Mark Sagona u l-mistiedna speċjali l-professoressa Marisa Calisti li ġiet apposta mill-Italja. Fi tmiem intwera feature mimli ritratti ta’ l-istatwa ta’ San Filep imħejji minn Keith Cutajar. Wara bosta li kien għadhom kemm xtraw kopja tal-ktieb STATVA ARGENTEA kisbu l-firem tal-awturi presenti u ħadu l-okkażjoni li jduru l-wirja tal-arti imtella’ fis-sala l-oħra minn Raymand Cortis. Is-serata ntemmet bi bibita żgħira fl-arkivju mużikali, fejn il-mistednin setgħu ukoll jammiraw it-tisjin li għandu l-każin.

Kitba: Philip Balzan ©

To top