Press Release – DIPARTIMENT TAL-INFORMAZZJONI DEPARTMENT OF INFORMATION MALTA

PR 170875

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAD-DJALOGU SOĊJALI, AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR U LIBERTAJIET ĊIVILI
Il-flus li l-gvern jinvesti fil-volontarjat iservu wkoll biex il-komunitajiet tagħna jissaħħu

Meta fetħet il-wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa fis-seda tal-Għaqda Każin Banda San Filep, Ħaż-Żebbuġ, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli faħħret l-impenn ta’ din is-soċjetà li ilha mwaqqfa mill-1851 biex, flimkien mat-tifsira spiritwali, jinsġu drawwiet soċjali u kulturali fl-attivitajiet tagħhom għall-festi tal-Għid.

Helena Dalli qalet li kieku ma kienx għal nies li volontarjament lesti jagħtu mill-ħin ħieles tagħhom, dawn l-attivitajiet li jġibu l-komunità flimkien u jsaħħuha ma jkunux jistgħu jsiru. Hija faħħret is-serjetà u l-professjonalità li bihom jorganizzaw din l-attività, li tkompli tagħti identità lill-komunità Żebbuġija.

Il-Ministru tkellmet fuq l-importanza ta’ soċjetajiet, bħalma hi dik ta’ San Filep, biex dawn ikomplu jrawmu l-kultura tal-mużika, filwaqt li faħħret ix-xogħol li jsir biex, mingħajr ħlas, iħarrġu tfal u żgħażagħ fit-tagħlim tal-istrumenti mużikali.

Hija tkellmet ukoll fuq il-mod interessanti ħafna kif iżommu ħajja l-istorja ta’ Ħaż-Żebbuġ, anke permezz ta’ filmat antik tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Ħaż-Żebbuġ fl-1928.

Helena Dalli qalet li l-istatwi lifesize tal-Kav. Alfred Camilleri Cauchi u l-alto-riljevi tal-artist Antonio Mifsud ikomplu jagħmlu l-wirja aktar importanti. Hija awgurat li din is-soċjetà tkompli tikkontribwixxi biex tradizzjonijiet bħal dawn tal-wirjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa jibqgħu ħajjin u jkomplu jissaħħu.

3, CASTILLE PLACE, VALLETTA VLT 2000 Tel +(356) 2200 1700 Fax +(356) 2200 1775 press.releases@gov.mt www.doi.gov.mt

To top