Attivitajiet għall-festa ta’ San Filep 2019…. mill-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851
Ir-radju tal-Komunità tal-Każin Banda San Filep li jxandar fuq 106.3FM tul is-sena kollha ikollu programmi speċjali fil-jiem tal-festa fosthom kollegamenti diretti mal-marċ kif ukoll xandiriet diretti tal-funzjonijiet tal-knisja. Wieħed jista’ jsegwi dak li jkun qed jiġri fil-pjazza minn fuq l-internet billi jżur is-sit elettroniku www.bandasanfilep.com.mt.
1. Marċ fit-12 ta’ Mejju 2019
Nhar il-Ħadd 12 ta’ Mejju l-Banda San Filep tagħmel marċ brijuż bejn id-9.00am u nofs inhar fl-okkażjoni tal-Festa Liturġika ta’ San Filep. Il-marċ jibda minn fuq iz-zuntier tal-knisja u jispiċċa fil-Misraħ San Filep quddiem il-każin.
2. Purċissjoni ta’ San Filep mit-tfal
Il-Klabb Tfal tal-Istilla tal-Każin Banda San Filep ser jerġa jorganizza l-purċissjoni ta’ San Filep “iż-żgħir” nhar l-Erbgħa 29 ta’ Mejju 2019. Tibda fis-6.30pm b’quddiesa quddiem il-kappella tal-Madonna tal-Anġli ċċelebrata minn Fr Philip Cutajar ofm, direttur Spiritwali. Fi tmiem il-quddiesa tibda miexja l-purċissjoni bl-istatwa żgħira ta’ San Filep merfugħa mit-tfal u akkumpanjata minn tfal oħrajn iġorru bandalori kkuluriti kif ukoll minn għadd ta’ aljievi u bandisti żgħażagħ tal-Banda San Filep immexxija minn Mro Michael Ciantar, li jdoqqu tul it-triq tal-purċissjoni. Tgħaddi minn Triq Sidtna tal-Anġli, Triq il-Kbira, iddur ma Misraħ San Filep u ma parti minn Triq Antonio Sciortino. Fi tmiem il-purċissjoni, t-tfal ikollhom festin fis-Sala Mayfair tal-Każin San Filep organizzat mill-Klabb Tfal tal-Istilla.
3. Riċeviment
Nhar il-Ħamis 30 ta’ Mejju 2019 filgħaxija jsir riċeviment għall-membri tal-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851 fis-Sala Mayfair tal-istess każin. Il-membri li huma aġġornati fil-ħlas tal-menswalità jistgħu jiġbru kopja tal-ktieb tal-festa.
4. BBQ tal-festa fi Triq Sciortino, quddiem il-każin
Nhar is-Sibt 1 ta’ Ġunju 2019, issir l-ikla ta’ qabel il-festa. Din hija mfittxija minn ħafna kull sena u ssir fi Triq Sciortino quddiem il-Każin Banda San Filep. Hija organizzata mill-kummissjoni nar u armar tal-festa tal-Każin Banda San Filep. Kulħadd mistieden. Biljetti mingħand il-membri tal-Kummissjoni Festa.
5. Jum il-Ħruġ min-Niċċa – il-Ħadd 2 ta’ Ġunju 2019
• Filgħodu jsir riċeviment organizzat mis-Sezzjoni Żgħażagħ tal-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851.
• Filgħaxija Il-Banda San Filep issellem ‘il-istatwa ta’ San Filep x’ħin din tasal quddiem il-bieb prinċipali tal-knisja waqt il-purċissjoni tal-ħruġ min-niċċa li tkun qed issir ġewwa l-knisja. Fi tmiem iċ-ċerimonja tal-knisja l-Banda San Filep tibda marċ minn fuq iz-zuntier għal Triq Sciortino u lura għal Misraħ San Filep. Ikun hemm ukoll ħruq ta’ murtali tal-logħob u tal-kulur mill-kamra tan-nar ta’ San Filep.
6. It-Tnejn 3 ta’ Ġunju
Filgħaxija fis-Sala Mayfair isir ir-riċeviment annwali tal-festa għall-benefatturi u mistiedna speċjali tal-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851. Dħul bl-invit.
7. It-Tlieta 4 ta’ Ġunju
Il-Banda San Mikiel, tas-Soċjetà Madonna tal-Grazzja ta’ Ħaż-Żabbar mistiedna tal-Banda San Filep tagħmel marċ li jibda minn fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali u jgħaddi mill-inħawi ta’ wara l-grawnd tal-futbol u jinżel minn Triq Frans Sammut lura lejn Misraħ San Filep. Fi tmiem il-marċ ikun hemm feature fuq skrin kbir imtella’ miż-żgħażagħ. Wara l-marċ se jkun hemm nar minn fuq il-bejt tal-każin. Fil-pjazza jintramaw l-umbrella mekkanizzata, il-bandalora l-kbira u l-imrewħa, kollha bil-ħidma taż-Żgħażagħ tal-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851.
8. L-Erbgħa 5 ta’ Ġunju – l-ewwel jum tat-Tridu
Filgħaxija wara ċ-ċerimonja tal-knisja jsir ħruq ta’ sfejjer, blalen, murtaletti, beraq kulurit, murtali tal-kulur u murtali tal-logħob mill-Kamra tan-Nar ta’ San Filep.
9. Il-Ħamis 6 ta’ Ġunju – it-tieni jum tat-Tridu
Fi tmiem iċ-ċerimonja fil-knisja, il-Banda San Filep tibda marċ minn fuq iz-zuntier għal Misraħ San Filep. F’nofs il-marċ, il-Banda San Filep tagħmel programm ta’ mużika popolari minn fuq il-planċier li fih jieħdu sehem il-kantanti Dr Albertine Meli Abela u Miriana Conte. Wara tkompli l-marċ minn quddiem il-Kappella tad-Duluri sal-Każin San Filep. Ikun hemm ħruq ta’ nar tal-ajru mill-Kamra tan-nar San Filep u wara l-marċ ikun hemm esebizzjoni ta’ nar tal-art mekkanizzat mill-istess Kamra tan-Nar.
Il-programm mużikali f’nofs il-marċ jinkludi siltiet popolari bħal: BELIEVE,WHO WANTS TO LIVE FOREVER, OH! CAROL,
A MILLION DREAMS (minn “The Greatest Showman”), GREATEST HITS OF THE 80’s, UPTOWN GIRL, HAPPY (mill-film “Despicable Me 2”) u KLASSIĊI MALTIN fuq arranġament ta’ Mro. Richard Bugeja.
10. Il-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju – it-tielet jum tat-Tridu
Fil-11.30pm, f’Misraħ San Filep, ikun hemm esebizzjoni spettakulari ta’ nar tal-art mill-Kamra tan-Nar ta’ San Filep. Ta’ kull sena id-dilettanti tan-nar u l-pubbliku jkunu jistennew din il-wirja kbira mimlija xogħol mekkanizzat u artistiku.
Dak li ma jistgħux ikunu fil-misraħ jistgħu jsegwi dak li jkun qed jiġri fil-pjazza minn fuq l-internet billi jżur is-sit elettroniku www.bandasanfilep.com.mt. Dan mhux biss f’dal-jum imma tul il-festa kollha. Nafu li bosta emigranti jagħmlu użu minn dan is-servizz ipprovdut permezz ta’ cameras imwaħħlin mal-faċċata tal-Każin Banda San Filep.
11. Is-Sibt 8 ta’ Ġunju – lejlet il-festa
Fit-8.00pm il-Banda San Filep tibda marċ minn ħdejn il-Bieb De Rohan u li jimxi tul Triq il-Kbira sal-pjazza fejn jasal hekk kif tintemm iċ-ċerimonja tal-knisja. Wara, għall-ħabta tad-9.45pm il-Banda San Filep taħt id-direzzjoni ta’ Mro Richard Bugeja FLCM, FVCM, tagħmel programm vokali u strumentali fil-misraħ. Jakkumpanjaw il-banda s-sopran Shana D’Anastasi, il-Baritonu Louis Andrew Cassar u l-kor Mirabitur immexxi minn Simone Attard. Fost is-siltiet sbieħ mużikali f’dan il-programm hemm: “Il-Ħolma Taż-Żebbuġin” kompożizzjoni ta’ Mro Richard Buġeja b’lirika tal-Imħallef Emeritus Philip Sciberras; l-Overture mill-“ I Vespri Siciliani” u r-Romanza “Di Provenza il mar, il suol” mill-“La Traviata” it-tnejn ta’ Giuseppe Verdi; il-Waltz “Valse De Fleur” ta’ Peter Ilich Tchaikovsky; it-Tema “Game Of Thrones” ta’ Ramin Djawadi, l-Aria “Largo al Factotum della citta” mill-“Barbiere di Siviglia” ta’ Gioacchino Rossini; il-medley “Golden Oldies Forever!” ; żewġ korijiet: “Va, pensiero, sull’ali dorate” min-“Nabucco” u “Gipsy Chorus” mit-Trovatore ta’ G. Verdi. F’din l-aħħar silta mal-banda tingħaqad “The Red Hackled Pipe Band Malta taħt it-tmexxija ta’ Pipe Major Kurt Borg. Il-programm ikompli bit-tema “Arrival” ta’ ABBA; “I Dreamt A Dream” minn “Les Miserables” ta’ Claude-Michel Schonberg; u “March With Me” ta’ Vangelis. Jippreżentaw Daniel Vella u Graziella Attard.
Mid-9.30pm ‘il quddiem il-Kamra tan-Nar ta’ San Filep tippreżenta spettaklu ta’ logħob tan-nar tal-ajru sinkronizzat mal-mużika. Dan isir bil-ħidma tal-Grupp tan-nar flimkien mal-kumitat tal-IT tal-Għaqda. Parti mill-ispettaklu ta’ dis-sena sejjer isir minn fuq Tower Crane. Dan l-ispettaklu wkoll huwa segwit minn bosta dilettanti tan-nar li jistgħu jikru siġġu fi Triq Giovanni Pullicino sabiex igawduh bil-kumdita u mill-qrib permess mill-liġi. Matul il-jum isir ukoll ħruq ta’ nar ta’ l-ajru filgħodu waqt it-Te Deum u wara nofs inhar waqt it-Translazzjoni.
12. Il-Ħadd 9 ta’ Ġunju – jum il-festa
Filgħodu, wara l-quddiesa solenni bil-paniġierku, il-Banda San Filep tibda marċ brijuż minn fuq iz-zuntier u timxi lejn l-inħawi tal-Gandlora u tal-Grazzja. Meta l-marċ jasal lura fil-Misraħ għall-ħabta ta’ nofs inhar, il-Banda San Filep titla’ fuq il-planċier waqt li l-Banda Kristu Sultan ta’ Raħal Ġdid tingħaqad mal-marċ fi Triq Sciortino u ż-żewġ baned jalternaw sa ma jispiċċa l-marċ fis-1.30pm.
7.00pm Il-Banda Queen Victoria tagħti merħba lill-istatwa waqt il-ħruġ tal-purċissjoni u wara tagħmel marċ f’Misraħ San Filep u Triq Sciortino u programm fuq il-planċier li bih issellem lil-istatwa waqt id-dħul tal-purċissjoni.
9.00pm Il- Banda San Bartilmew tal-Għargħur tilqa’ l-istatwa ta San Filep b’daqq ta’ innijiet ħdejn il-Kappella tad-Duluri u wara tmur fuq iz-zuntier biex terġa ssellmilha fl-aħħar parti tal-purċissjoni. Fi tmiem il—barka sollenni jsir il-marċ ta’ l-aħħar mill-Banda San Bartilmew.
Matul il-ħin kollu tal-purċissjoni jkun hemm wirja kbira ta’ nar tal-ajru (kaxxi nfernali, murtaletti, beraq pront, sfejjer, murtali tal-kulur, kaxxa tal-kulur) mill-Kamra tan-Nar ta’ San Filep.