Mro Richard Bugeja – (1968– )

Mro Richard Bugeja (1968 – )

Is-Surmast Direttur Mro Richard Bugeja twieled fis-sittax ta’ April 1968 u joqgħod
Ħad-Dingli. Huwa ħareġ idoqq għall-ewwel darba bil-klarinett mal-Banda L’Isle Adam fil-festa ta’ San Ġużepp tar-Rabat f’Marzu tal-1981.

Huwa studja s-solveġġ ma’ Ġuzeppi Falzon (il-Pajs), beda jistudja l-klarinett ma’ Joseph Falzon imbagħad kompla ma’ Ġuzeppi Debono (Il-Mannar) u Mro Twanny Galea li lkoll kienu jdoqqu l-army. Imbagħad kompla għand Mro Orazio Cachia.

Fl-1992 Richard kiseb diploma importanti fil-qasam bankarju u sar Associate of the Chartered Institute of Bankers ACIB. Fl-istess sena huwa beda l-istudju tiegħu fit-teorija tal-Mużika għand Mro Ray Fenech FLCM. Taħt id-direzzjoni tiegħu huwa għadda b’suċċess mill-gradi kollha tar-Royal Schools of Music u f’Diċembru tal-1994 huwa sar ukoll Associate of the London College of Music. Kien fis-sajf tal-2003 li kiseb ukoll il-Licentiateship tal-istess kulleġġ. Fl-2004 huwa kiseb il-Fellowship tal-London College of Music bis-Suite Malta Matul iż-Żminijiet. Din indaqqet għall-ewwel darba fil-programm ta’ Santa Ċeċilja fit-Teatru Manoel fl-2004.

Fl- 2005 gie mogħti Ġieħ Ħad-Dingli.

Fl-2006 huwa kiseb il-Fellowship tal-Victoria College of Music flimkien mad-Diploma of Gold Medalist bil-Cantata Marija, Mbierka fost in-Nisa. Din ndaqqet għall-ewwel darba fil-knisja parrokkjali ta’ Ħad Dingli fit-30 ta’ April 2010.

Preżentament huwa Surmast ta’ tliet baned.

Mro Richard Bugeja ilu Surmast Direttur tal-Banda San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ mill-2002. Fl-2016 huwa nħatar Surmast tal-Banda San Pawl ta’ San Pawl il-Baħar, filwaqt li fl-2020 nħatar Surmast Direttur tas-Soċjetà Mużikali La Stella Levantina, Banda Santa Marija ta’ Ħ’Attard. Għal 21 sena sħaħ kien Surmast tal-Banda Santa Marija ta’ Ħad-Dingli. Kien Assistent Surmast tal-Baned L’Isle Adam tar-Rabat u St Elena ta’ B’Kara.

Matul dan iż-żmien għallem fil-każini msemmija, sew l-istrumenti tal-qasba, dawk tar-ramm kif ukoll perkussjoni. Huwa kkompona wkoll madwar 100 kompożizzjoni li jvarjaw minn Oratorji, Cantata, Suites, Concert Pieces, Muzika Sagra, innijiet, valzi, diversi marċi brijuzi kif ukoll funebri. Dan barra bosta arranġamenti mużikali oħra.

Fosthom insibu l-Oratorju San Filep Sebħ Aġġira li ndaqq għall-ewwel darba f’Ħal Farrug Montekristo Estates fil-5 ta’ Novembru 2011 f’għeluq il-160 Sena Anniversarju tal-Banda San Filep.

Kiteb ukoll l-Oratorju ‘Il-Ħolma taż-Żebbuġin’ bi kliem tal-Imħallef Emeritus Dr Philip Sciberras. Dan ix-xogħol indaqq għall-ewwel darba ġewwa t-teatru tal-Università tal-Qroqq fit-18 ta’ Mejju 2013 biex titfakkar il-150 sena mill-istatwa ta’ San Filep.

Fi Frar tal-2019 huwa kkompona l-Oratorju ‘Paulus’ biex jikkommemora il-mitt sena anniverarju mill-miġja tal-istatwa ta’ San Pawl ġewwa San Pawl il-Baħar.

Il-Banda San Filep waqt żjara fil-belt ta’ Bergamo fl-2019, l-Italja. Taħt id-direzzjoni tas-Surmast Richard Bugeja u l-Assistent Surmast Michael Ciantar.

Fl-2019 kiteb is-suite ‘Bergamo’ li ndaqqet mill-Banda San Filep fil-mawra tagħha ġewwa Bergamo.

Fl-2021 huwa kiteb il-mużika għall-proġett kreattiv bl-isem ta’ ‘Emmna’ li sar f’Ħaż-Żebbuġ f’Awwissu tal-2021.

Insibu wkoll żewġ Ave Maria, Salve Regina, Preghiera, diversi innijiet, concert pieces, waltzes, u marċi sew brijużi kif ukoll funebri.

Kwalifiċi:

  • 2006
    • Diploma of Fellowship (Composition of Music) Victoria College of Music FVCM
    • Diploma of Gold Medalist (Composition of Music) Victoria College of Music
  • 2004
    • Diploma of Fellowship (Composition of Music) – London College of Music FLCM
  • 2003
    • Diploma of Licentiateship in Music – London College of Music L(Mus)LCM
  • 1994
    • Diploma of Associate in Music – London College of Music A(Mus)LCM
    • Grade 8 Theory Certificate – Royal Schools of Music
  • 1993
    • Grade 7 Theory Certificate – Royal Schools of Music
    • Grade 6 Theory Certificate – Royal Schools of Music
  • 1992
    • Grade 5 Theory Certificate – Royal Schools of Music
    • Diploma of Associate of the Chartered Institute of Bankers (A.C.I.B.)

Karriera Mużikali:

  • 2020-sal-llum
    • Surmast Direttur -Soċjetà Mużikali La Stella Levantina, Banda Santa Marija ta’ Ħ’Attard.
  • 2016 –sal-llum
    • Surmast Direttur – Banda San Pawl, San Pawl il-Baħar
  • 2002 – sal-llum
    • Surmast Direttur – St Philip’s Band Club, Ħaż-Żebbuġ
  • 1999
    • Assistent Surmast – St Philip’s Band Club, Ħaż-Żebbuġ
  • 1998 – 2019
    • Surmast Direttur – St Mary Band Club, Dingli
  • 1997
    • Assistent Surmast – St Mary Band Club Dingli
  • 1992 – 1996
    • Assistent Surmast – Banda St Helena, B’Kara
  • 1990 – 2018
    • Assistent Surmast – L’Isle Adam Band Club, Rabat

Kitba: Dr Philip Sciortino ©

To top