Il-Banda San Filep qed tagħmel suċċess wara l-ieħor. F’Mejju li għadda fi soiree d’honneur ad unur is-Sopran Joan Mangion fl-awditorju Sir Temi Zammit tal-Università ta’ Malta, daqqet wieħed u għoxrin silta mużikali li jvarjaw minn selezzjonijiet operistiċi sa kanzunetti klassiċi u kompożizzjonijiet ġodda. Dan l-aħħar f’għeluq iċ-ċelebrazzjonijiet tal-160 sena mit-twaqqif tagħha l-Banda San Filep tatna kunċert ta’ mitt minuta ta’ mużika sagra ġdida. Soltu f’okkażjonijiet bħal dawn jiżżanżan xi Oratorio jew xi Cantata. Din id-darba iżżanżnu t-tnejn – x’aktarx l-ewwel darba f’Malta.
Wara ntroduzzjoni qasira ħafna, beda l-Oratorio ‘San Filep – Sebħ Aġġira’ kliem u mużika ta’ Mro. Richard Bugeja, id-direttur ta’ l-istess banda.
Jakkumpanjaw kien hemm il-Kor Mirabitur immexxi minn Simone Attard, it-tenur Joseph Aquilina, is-sopran Joan Mangion u l-baritonu Alfred Camilleri. Saret ukoll mima mis-St. Philip Pageant Group li b’mod sinkronizzat tajjeb mal-mużika ppreżenta xeni mill-ħajja tal-qaddis.
Is-serata mxiet tajjeb ħafna bla xejn ħela ta’ ħin mill-ewwel għat-tieni kompożizzjoni li kienet il-Cantata ‘Filep’ ta’ Mro. Ray Sciberras fuq lirika tal-mibki Frans Sammut. Hawn minbarra l-kor u l-kantanti solisti kien ħadu sehem ukoll Joyce Guillaumier u Joe Cortis bħala narraturi. L-ammiraturi tal-banda u mistednin oħra li attendew numerużi ngħataw ktejjeb elegant ta’ 28 paġna bil-lirika u tagħrif ieħor marbut mal-okkażjoni. Dan il-kunċert speċjali sar taħt il-patroċinju ta’ E.T il-President ta’ Malta Dr. George Abela B.A., LL.D., M.JUR. ġewwa l-Monte Kristo Estates, Ħal Farruġ, nhar is-Sibt 5 ta’ Novembru.
Kitba: Philip Balzan ©