Nhar is-Sibt 28 ta’ Jannar fis-sala tal-Għaqda Każin Banda San Filep f’Ħaż-Żebbuġ ittellgħet l-ewwel serata f’ġieħ il-mibki kittieb Frans Sammut.
Is-sala li fi snin imgħoddija kienet tintuża bħala ċinema, kienet mimlija daqs bajda bin-nies li attendew għal din is-serata. Kienet serata li fiha nqraw u tkantaw xi xogħolijiet ta’ Sammut. Il-qari u l-kant alternaw biex sawru programm li matulu, għalkemm xi daqsxejn fit-tul, kulħadd tpaxxa b’dak kollu li nstema’.
Is-Sur Mannie Spiteri qara n-novella L-Istqarrija. Novella li Sammut kien kiteb meta kien għad kellu biss tmintax-il-sena u li kienet ħadet l-ewwel premju f’konkors tan-novelli fl-1964. Din in-novella li fi kliem il-ġurija tal-konkors hi ‘qawwija fil-kunċett u fl-istil’ turi l-abilta` li kellu Sammut sa minn żgħożijtu biex iħaddem il-pinna b’ħila mill-aqwa. Il-qari impekkabbli ta’ Mannie Spiteri żamm lill-udjenza msammrin mas-siġġijiet b’ attenzjoni fuq suġġeriment tiegħi, mill-ikbar.
Għalkemm Sammut kien iktar magħruf għall-kitba tal-proża kiteb ukoll versi poetiċi fosthom, Cantata f’ġieħ San Filep, il-Qaddis ta’ Ħaż-Żebbuġ, il-belt li fiha Sammut twieled, trabba u għex ħajtu. Il-brava Sopran, Joan Mangion żebbuġija ukoll, kantat silta mill-Cantata u paxxiet lil kulħadd bl-interpretazzjoni tagħha.
Is-Sur Joe Cortis irnexxielu jsib biżżejjed nifs biex qara l-għeluq tar-rumanz Paceville. Dan l-għeluq hu sentenza twila erbatax-il-paġna, sentenza bla pawżiet, bla waqfien. Dan hu kas uniku fil-letteratura maltija. Prof. Charles Briffa analizza l-istil ta’ din is-sentenza f’diskors tabilħaqq akkademiku li kiteb għall-okkażjoni u li qrah hu stess fis-serata.
Wara li Sammut kien kiteb Cantata għall-Qaddis tal-belt fejn hu kien jgħammar għall-biċċa l-kbira tas-sena, hu kiteb Oratorju lill-Marija Addolorata li l-festa tagħha ssir f’San Pawl il-Baħar, il-lokalita` li fiha Sammut kien iqatta’ s-sjuf. Peress li dan l-Oratorju kien għadu ma rax id-dawl, il-kumitat tal-Għaqda Każin Banda San Filep iddeċidew li jżanżnuh immużikat u afdaw il-mużika għalih f’idejn is-Surmast tal-istess Każin, Mro. Richard Bugeja, li b’dehen kbir ħareġ b’kompożizzjoni li tassew paxxiet il-widna ta’ dawk kollha preżenti għas-serata. Għal erbgħin minuta sħaħ l-ilħna bellusin tas-Sopran Joan Mangion, tal-Baritnu Ivan Vella u tal-kantanta Albertine Abela imlew is-sala għall-ferħ tal-udjenza. Il-kantanti kienu akkompanjati mill-banda tal-istess Każin San Filep.
Biex is-serata tkun tassew imżewqa tajjeb, l-għannej simpatiku Joe Zerafa akkumpanjat minn żewġ kitarristi bravi, għanna silta twila minn Tislima Aħħarija, kitba ta’ ħamsa u għoxrin strofa li bihom Sammut għalaq ir-rumanz tiegħu Il-Ħolma Maltija. F’dawn l-istrofi li kollha jibdew bil-kelma ħlomt, jagħtu deskrizzjoni tal-ħajja, ix-xogħol u s-snajja maltin fi żmien Vassalli, u xi stħajjel l-awtur Sammut li Vassalli ried għal Malta u l-Maltin. Ma nafx ngħid jekk hux kull min attenda għal din is-serata jħobbx l-għana jew jekk hux l-għannej Zerafa li għanna b’ħila mill-aqwa l-kliem magħżul mill-kittieb b’sengħa kbira, imma li kieku matul l-għana fis-sala waqgħet labbra żgur li kienet tinstema’!
Inqraw ukoll versi ta’ apprezzament li ammiratur ta’ Frans Sammut, is-Sur Joe Bonnici, kiteb għal dis-serata. F’dawn il-versi Bonnici esprima r-rispett u l-istima li ż-Żebbuġin għandhom għal Sammut.
Kienet serata tabilħaqq ta’ tgawdija grazzi għall-xogħol tal-kumitat li twaqqaf ad hoc. Kien, iżda għall-impenn kbir , id-dedikazzjoni, il-ħidma sfiqa u l-ħafna sagrifiċċji ta’ bosta membri b’mod speċjali tal-Kummissjoni Banda u Kummissjoni Kultura li bl-organizzazzjoni meqjusa tagħhom din is-serata saret u rnexxiet.
Diskors mil-President Dr Philip Sciortino
Diskors mis-Sinjura Catherine Sammut
Kitba: Philip Balzan ©