Din is-sena jaħbat il-250 sena mit-twelid ta’ Mikiel Anton Vassalli, meqjus bħala Missier l-Ilsien Malti. Skular u patrijott kbir li ħadem bis-sħiħ biex Malta u l-Malti jkunu rikonoxxuti u rispettati u bata’ mhux ftit minħabba l-fehmiet tiegħu.
L-Għaqda Każin Banda San Filep AD 1851 kienet l-ewwel din is-sena li fakkritu waqt serata mtella’ f’ġieħu nhar is-Sibt 22 ta’ Frar 2014, fis-Sala prinċipali tal-Każin San Filep, ippreseduta mill-Ministra għas-Saħħa Dr Godfrey Farrugia li hu wkoll President Onorarju. Is-seratakellha programm ta’ 90 minuta b’tiżwieqa ħelwa ta’ mużika, kant, qari, għana u diskorsi li niżlu tajjeb mal-udjenza li ħonqot is-sala.
Il-Professur Manwel Mifsud fetaħ is-serata bil-kant tal-kanzunertta tiegħu “Vassalli”. Il-Professur Frans Ciappara tkellem fuq Vassalli u l-Edukazzjoni u aktar tard il-Professur Oliver Friggieri għamel diskors fuq is-suġġett ‘Malta fil-ħsieb ta’ Vassalli’.
Il-Banda San Filep taħt id-direzzjoni ta’ Mro Richard Bugeja FLCM, FVCM, daqqet sitt kompożizzjonijiet mużikali: is-Suite: “Il- Kavallieri ta’ Malta” meħuda minn ‘Malta matul iż-Żminijiet’ tas-surmast direttur, il-Marcia folk ‘Malta’ ta’ Mro Philip Attard, “Bianca e Rossa” ta’ Mro Vincenzo Ciappara u mill-film Les Miserables: ‘Do you hear the people sing’ ta’ Claude-Michel Schonberg u fi tmiem, l-Innu Nazzjonali. Waqt is-siltiet mużikali intwera tagħrif fuq ħajjet Vassalli fuq skrin biex b’hekk il-pubbliku seta’ jsir jaf aħjar lil dan il-Malti kbir.
Il-Banda akkumpanjat lill-kantanta Albertine Abela fl-għanja antika “Ħanini ser Insiefer” li l-melodija tagħha spirat dik tal-Innu Nazzjonali. Joseph Zerafa għanna siltiet minn “L-Aħħar Tislima” ta’ Frans Sammut. Joe Cortis u Alessandra Balzan qraw żewġ sunetti bl-isem “Lil Mikiel Anton Vassalli” wieħed ta’ Ġorġ Pisani u ieħor ta’ Dun Karm kif ukoll il-poeżija “Jum ir-Rebħ” ta’ Rużar Briffa. Intweriet ix-xena ta’ Vassalli meħuda mid-dramm “Biż-Żebbuġ dejjem ħaddart”.
Il-pubbliku li attenda ġie minn diversi nħawi ta’ Malta u minn għaqdiet fosthom dik tal-Malti tal-Università, wrew il-pjaċir tagħhom kemm bl-applawsi u kemm bil-kummenti tagħhom fi tmiem is-serata.
Kitba: Philip Balzan ©