Luigi Fontana twieled fir-raħal żgħir ta’ madwar 2300 ruħ, imsejjaħ Monte San Pietrangeli (Monsapietrangeli) fid-29 ta’ Marzu tal-1827 u miet fl-istess raħal twelidu fit-18 ta’ Diċembru tal-1908. Jibqa’ magħruf bħala artist Neo-Klassiku permezz tax-xogħlijet tiegħu madwar l-Italja kollha, fl-iskultura, fil-pittura fuq it-tila biż-żejt u t-tempera, bħala arkitett u anke bħala restawratur.
Il-familja Fontana li oriġinarjament kienet minn Tiċino llum parti mill-Iżvizzera Taljana, niżlet tgħix fir-reġjun tal-Ascoli Piceno minħabba din il-kummissjoni.
Luigi kien ir-raba’ wild mill-ħamsa li kellhom Tommaso u Teresa, xebba Barbarossa. Fl-awtobijografija qasira tiegħu miġbura għal dizzjunarju artistiku tal-epoka, huwa jistqarr li l-ewwel ġibda għall-arti ħassha ta’ għaxar snin.
Ommu, wara li osservat din il-ħajra ta’ binha, fl-eta ta’ ħdax-il sena ħaditu l-Liċeo ta’ Macerata għall-istudju tal-arkitettura u l-ornat taħt il-Professur Gaetano Ferri minn Bologna. Hawnhekk huwa qatta’ tliet snin, kull sena jirbaħ il-premjijiet fil-kompetizzjonijiet annwali bejn l-istudenti.
Ta’ ħmistax-il sena Luigi mar jaħdem bħala aljiev ma’ Gaetano Palmaroli (imwieled Grottamare) waqt li kien qiegħed jaħdem fil-belt ta’ Fermo. Palmaroli u Fontana kienu jaqblu ħafna iżda matul iż-żmien li damu flimkien Fontana sema’ ħafna dwar dak li kien qed jiġri fil-qasam tal-arti f’Ruma u speċjalment dwar l-imgħallem ta’ Palmaroli, Tommaso Minardi.
Tommaso Minardi mill-1825 sa mewtu fl-1871, iddomina l-arti ġewwa Ruma waqt il-perjodu tar-Risorġimento. Huwa mhux biss kien artist iżda kien ukoll għalliem u qrib ta’ ħafna personaġġi influwenti u anke tal-Papa Piju IX. Kien l-artist uffiċjali tal-Papa. Fontana spiċċa wieħed mill-aljievi l-aktar qrib ta’ Minardi u għalhekk sabiex nifhmu lil Fontana, irridu naraw min kien Minardi. Tommaso Minardi tgħallem fl-ambjent Neo-Klassiku, l-istil artistiku predominanti ta’ dawn iż-żminijiet.
F’dak il-perjodu Minardi kien stabbilixxa ruħu bħala amministratur għall-ħarsien u r-restawr tal-patrimonju artistiku enormi tal-belt ta’ Ruma li sa dak iż-żmien kienet taħt idejn il-Papiet, xogħol li żgur li qasam mal-aljievi ewlenin tiegħu fosthom Fontana. Dan irċieva mingħand Minardi stess l-istedina sabiex jerġa’ lura jaħdem miegħu. Dan offrielu li joqgħod għandu mingħajr ħlas u li jaħdem miegħu fl-istudju ta’ Palazzo Colonna u wara ta’ Palazz Doria.
F’Ruma Fontana malajr sab ruħu jistudja fl-Akkademja tal-Arti ta’ San Luqa fejn Minardi kien ukoll Professur tad-Disinn. Wara l-ewwel sena hu rnexxielu jiġi l-ewwel f’kompetizzjoni tal-pittura u oħra tal-immudellar bit-tafal għall-istudenti tat-tielet sena, u għal figura sħiħa u mhux ras biss kif kien mistenni minnu. Wara dan is-suċċess marad bit-tifu u spiċċa jqatta’ tliet snin id-dar t’ommu biex jirkupra. Għall-ħabta tal-1860, meta Fontana kellu biss 34 sena, kiseb ix-xogħol tal-istatwa ta’ San Filep. Minardi kien laħaq il-quċċata tal-popolarità tiegħu, x’aktarx kien hu waħdu jew flimkien ma’ Overbeck li għażlu lil Fontana għal dan ix-xogħol.
Luigi għex Ruma sa ma fl-1896 irtira mix-xogħol u mar lura lejn raħal twelidu fejn miet ta’ 81 sena fis- 27 ta’ Diċembru 1908. Huwa jinsab midfun fiċ-ċimiterju tal-post. Hu jibqa’ msemmi għax-xogħol ta’ natura reliġjuża speċjalment fil-pittura. Fil-bidu tal-karriera tiegħu hu ħaddan għalkollox l-istil purista kif żviluppat minn Minardi, iżda wara kompla jdaħħal elementi minn stili oħra fejn kien jixraq. Ix-xogħol imponenti tiegħu fuq San Filep kien tah spinta qawwija u stabbilieh bħala artist ta’ kalibru.
Kitba: Philip Balzan ©