Serata Memorabbli mill-Banda San Filep

IMG_6430

Is-Sibt 18, fis-Sala Sir Temi Zammit tal-Universitá, il-Banda San Filep esegwiet programm mużikali mill-isbaħ. Bdiet bl-Innu Popolari lil San Filep, kompliet b’għadd ta’ siltiet qosra meħudin mill-Oratorio “San Filep Sebħ Aġġira” ta’ Richard Bugeja, mill-“Inno A San Filippo d’Agira” ta’ Orlando Crescimanno, mill-Cantata “Filep” ta’ Ray Sciberras, mill-Eleġija “In Sepulcrum” ta’ Adeodato Gatt u mill-Lyric Suite “In Argyriensis” ta’ Richard Bugeja. Dawn servew bħala tħejjija lill-udjenza għall-komposizzjoni ġdida li kellha tkun il-qofol tas-serata: l-Oratorju “Il-Ħolma taż-Żebbuġin” versi tal-Imħallef Philip Sciberras, mużika ta’ Mro Richard Bugeja. L-erbgħin minuta ta’ dan l-Oratorio għaddew malajr wisq għax irnexxielu jsaħħar lill-udjenza numeruża li ġiet apposta minn Ħaż-Żebbuġ u minn lokalitajiet oħra.

F’dan l-Oratorio ħadu sehem it-tenur Joseph Aquilina, s-Sopran Joan Mangion, il-Baritonu Alfred Camilleri, il-vjolinista Dr. Joseph Chetcuti, il-kor ta’ Santa Monika u n-narratur Joseph Cortis. Il-palk tas-sala kien mimli daqs bajda b’madwar sittin korista, daqstant ieħor bandisti, kif ukoll is-solisti msemmija. Applaws twil u mqanqal minn udjenza li spontanjament qamet bil-wieqfa, fisser l-entusjażmu ta’ dawk presenti. Fuq quddiem tal-udjenza il-Ministru tal-Edukazzjoni u Xogħol, l-Onor Evarist Bartolo li kien qed jippresiedi, segwa b’attenzjoni l-programm kollu flimkien ma’ l-Imħallef Emeritu Dr Philip Sciberras, il-President tal-Għaqda Każin Banda San Filep, Dr Philip Sciortino u uffiċjali oħra tal-istess għaqda.

Il-programm kompla bl-innu “Ġieħ lil San Filep” ta’ Pawlu Mifsud u Richard Bugeja, kantat minn Albertine Abela, innu li żżanżan ukoll f’din l-okkażjoni. L-Innu tal-Banda San Filep, kitba ta’ Adeodato Gatt u l-Innu Nazzjonali temmew is-serata memorabbli.

Dawk li attendew ingħataw ktejjeb ta’ għoxrin paġna mitbugħ bi stil pulit u mimli b’tagħrif fuq l-istatwa, l-Għaqda, u ieħor marbut mal-protagonisti tal-programm kif ukoll bil-lirika tal-komposizzjonijiet il-ġodda: l-Oratorio u l-Innu. Il-compères Brian Bonnici u Tanya Borg fl-interventi tagħhom taw tagħrif fuq l-istorja tal-istatwa tal-fidda ta’ San Filep li kienet qed tiġi kkommemorata fl-okkażjoni tal-150 sena mill-wasla tagħha f’Ħaż-Żebbuġ. Fi tmiem is-serata kienu bosta li għamlu kummenti ta’ tifħir għall-eseguzzjoni impekkabbli tal-banda taħt it-tmexxija ta’ Mro Richard Bugeja u għall-kontenut u l-organizzazzjoni tas-serata.

[fontawesome_icon name=”fa fa-cloud-download” size=”1″ type=”” color=”” style=”normal” bgcolor=””] Ktejjeb b’tagħrif fuq l-istatwa, l-Għaqda, u ieħor marbut mal-protagonisti tal-programm.

To top