Serata Mużiko-Letterarja f’Ġieh Dun Luret Callus

Nhar is-Sibt 6 t’Ottubru 2012 filgħaxija, udjenza numeruża ħafna segwiet b’attenzjoni l-programmm ta’ serata ħelwa mżewqa b’mużika, kant, filmati, features u intervisti. Minkejja li l-programm qabeż is-sagħtejn, in-nies baqgħu sa l-aħħar u wara bosta kkummentaw li sabuh interessanti, varjat u bilanċjat tajjeb.

Dun Luret Callus
Dun Luret Callus

L-okkażżjoni kienet it-tifkira tal-ħamsin sena mill-mewt ta’ Dun Luret Callus eks-President u Direttur Spiritwali tal-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851. Il-Banda San Filep taħt id-direzzjoni ta’ Mro Richard Bugeja u akkumpanjata mill-kantanti solisti Joan Mangion, Joseph Aquilina u Albertine Abela kienet responsabbli għall-eżekuzzjoni mużikali. Fetħet il-programm bil-kompożizzjoni “Sword of Honour” li fakkret l-okkażżjoni unika meta fit-12 ta’ Marzu 1944 Dun Luret ppreżenta Xabla tal-Unur lil Lord John Gort, Gvernatur ta’ Malta. Iċ-ċerimonja kienet saret fuq inizzjattiva tal-Għaqda tal-Banda San Filep f’isimha u f’isem aktar minn sebgħin għaqda Maltija. Filmat qasir taċ-ċerimonja tal-1944 miġjub mill-Imperial War Museum ta’ Londra kien attrazzjoni speċjali.

L-Għażla mużikali kienet varjata u mpenjattiva. Fl-istess ħin irriflettiet il-fatt li kien qed jiġi kommemorat qassis li ddedika ħajtu għall-missjoni pastorali fost il-poplu i li kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna. Kien għalhekk li l-mużika kellha xeħta reliġjuża, u anke Marjana. Indaqqu l-“Angelus” ta’ Jules Massenet, “Recordare Domine” ta’ Pietro Paolo Bugeja, “Salve Regina” ta’ Richard Bugeja, silta minn “Santa Maria de la Sede” ta’ Harry Simeone u żewġ “Ave Maria”, waħda ta’ Adeodato Gatt u l-oħra ta’ Giulio Caccini. Indaqq ukoll il-marċ funebru “In Memory of Rev Loreto Callus” ta’ Mro Michael Ciantar.

Fil-parti letterarja Olivia Borg u Alessandra Balzan qraw żewġ poeżiji tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm: “Il-Vjatku” u “Ġesù – fil-Kenn għall-Attakki mill-Ajru”. L-ewwel waħda tiddeskrivi kif kien isir il-vjatku li għalih Dun Luret baqa’ msemmi. It-tieni waħda kienet spirata minn Dun Luret li matul il-gwerra kien ta’ kull filgħaxija jqiegħed lil Ġesù sagrament f’post aktar kenni f’toqba fil-ħajt tal-knisja. Saru wkoll features fuq ħajjet Dun Luret u fuq il-vjatku.

DSCF3452

Imma l-aktar parti li spikkat kienet l-intervista li Dr Philip Sciortino għamel lil erba’ anzjani li f’żogħżithom kienu midħla ta’ Dun Luret. Dawn kienu Leone u ħuh Carmelo Chircop, Joe Axiaq u Salvu Chetcuti.B’mod mill-aktar spontanju u awtentiku dawn irrakkuntaw aneddoti li huma għexuhom ma Dun Luret u li jiddeskrivu l-karattru ta’ dan il-qassis umli u dedikat li kien jinsa lilu nnifsu biex jaqdi lill-oħrajn, li miet fqir għax ta kulma kellu lil foqra, li kien joħroġ bil-vjatku kull meta jkun hemm moribond fil-parroċċa bla ma jqis il-ħin tal-jum jew x’temp kien.

Deher ċar kemm Dun Luret li serva bħala viċi-arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ għal 35 sena, prokuratur tal-festa tal-Madonna tar-Rużarju u uffiċjal tal-Każin Banda San Filep, kien maħbub mill-poplu.

Lejn it-tmiem is-Sur Joseph Callus, pro-neputi ta’ Dun Luret ippreżenta lill-Għaqda dizzjunarju li kien juża Dun Luret. Kien l-uniku oġġet li hu kellu ta’ dal-qassis maħbub.

Ippreżentaw Tanya Borg u Brian Bonnici. Is-serata li kienet imtella’ mill-Kummissjonijiet tal-Banda u tal-Kultura.

Programm u taghrif dwar il-muzika.

Kitba: Philip Balzan ©

To top