Diskors ta’ merħba lill Eċċellenza Tagħha il-President tar-Repubblika ta’ Malta Marie Louise Coleiro fl-okkażjoni taż-żjara tagħha fis-sede ta’ l-Għaqda Każin Banda San Filep, Ħaż-Żebbuġ fis 6 ta’ Ġunju, 2016.

President Ta malta KBSF

 

Eċċellenza President ta’ Malta, Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Onorevoli raprezentanti Parlamentari, Wisq Reverendu Arċipriet, mistednin distinti, membri u ħbieb.

F’ ismi u f’ isem il-Kumitat Ġenerali, il-Kummissjonijiet u s-Sezzjonijiet ta l-Għaqda Każin Banda San Filep nixtieq nilqgħakom hawnhekk biex flimkien nifirħu fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Filep. L-għan ewlieni ta’ dawn iż-żewġ kelmiet hu li norbot il-preżenza tal President tar-Repubblika u tagħkom ma l-għanijiet ta din l-Għaqda u it-tifsira ta dan kollu fi żmienijiet tal-lum.

Jekk hemm xi ħaġa li tikkaratterizza din il-Presidenza hija il-ħidma tiegħek lejn Soċjeta aktar ugwali u inklussiva, fejn fi spirtu ta’ tolleranza anzi, ta dibattitu demokratiku, il-komunitajiet żgħar Maltin, bħal din ta Ħaż-Żebbuġ isibu triqthom f’ baħar globali mimli kurrenti. L-emfasi ta dak kollu li qed tagħmel għal pajjiżna juri li waħda mill għodod l-aktar importanti f’ idejn il-President ta’ Malta hu il-volontarjat.

Naħseb illi din id-deskrizzjoni ta’ dawn l-għanijiet tal-presidenza taqbel ħafna ma kif din is-Soċjeta tagħna tħares lejn il missjoni tagħha. Dan hu rifless fil-passat tagħha, fil-preżent u nittamaw li inkomplu nesploraw dawn it-toroq fil-futur. Il-wirt Kattoliku tagħna ma nsibuħx biss fl-istatwa ta San Filep iżda insibuħ ukoll fin-numru sabiħ ta’ voluntiera li kif inħobb nirrepeti jagħatu b’ xejn l-għeżeż riżorsi umani: il-ħin u is-saħħa. L-uniku żewġ rizorsi li ma jinxtrawx bil-flus.

Għalhekk min ikejjel is-suċċess tagħna bil-flus jew bid-daqs ma jkun qed jifhem xejn. Il-volontarjat idur ma esperjenza posittiva; dik it-tip t’ esperjenza li tgħinna niżviluppaw lilna infusna. Dik l-esperjenza li taqsam ma ħaddieħor il-ferħ u in-niket; l-anzjetajiet u l-ħolm. Dik fejn issib ruhhek imdawwar ma oħrajn li huma differenti minnek daqs kemm huma magħqudin miegħek. Magħqudin fi ħdan dan il-proġett li beda 165 sena ilu meta twaqqaf dan il-Każin. Proġett li m’ hu se jispiċċa qatt. Għax huma il-bnedmin li sawru dan il-proġett madwar il-ħtiġijiet tagħhom, li fost ħwejjeġ oħra jinkludi dak kollu li llum insejħulu il-volontarjat. Hawnhekk il-poplu tagħllem jieħu ir-riedni f’ idejh mingħajr il-kuċċier. Dawk l-iżviluppi li llum qed insejħulom bħala is-Soċjeta Ċivili u l-proċess ta’ sekularizzazjoni f’ Malta bdew mil-Każini fost imkejjen oħra.

Għalhekk meta tħares lejn din il-medda ta snin issib li aħna fiċ-ċokon tagħna ngħamlu parti mill istorja ta’ pajjiżna. Daqstant ieħor jien perswaz li s-suċċess tal-Presidenza tiegħek huwa dovut għal fatt li qed tagħarf tpoġġi il-ħtiġijiet umani qabel is-suċċess ekonomiku; l-izvilupp tal-komunita qabel l-invidwalizmu, it-tbatija siekta qabel is-sensazzjonalismu tant popolari fil-media ta llum. Hawn ġew mingħajr ħafna kliem tqil, ngħamlu dawn l-għażliet ukoll.

Għażiża President ta’ Malta: nirringrazjak tal-preżenza tiegħek illejla fostna li tkompli tħeġġiġna insaħħu dan il-proġett uman; infittxu l-aħjar toroq u inħabbtu rasna biex nifmu aħjar lill xulxin. Waqt dan il-proċess jaf niżbaljaw u nitolbuk tifimna iżda iż-żmien diġa wera li t-tajjeb jiżboq fuq kull ħaġa oħra. Dan kollu narawh ukoll fik personalment, fil-Presidenza tiegħek u fil-preżenża tiegħek hawnhekk illejla. Grażżi min qalbna.

Kitba ta’ Dr Philip Sciortino
President tal-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851

To top