KOMUNITAT LILL-MEMBRI U HBIEB TA’ L-GHAQDA KAZIN BANDA SAN FILEP AD 1851

20 ta’ Marzu 2020

Għeżież membri u ħbieb tal-Każin San Filep,

Iċ-ċirkustanzi li ġab fuqna l-Corona Virus waqqfu r-rankatura li konna diġa’ qbadna biex niċċelebraw il-Ġimgħa Mqaddsa u warajha l-festa tal-Patrun tagħna San Filep. Waqafna biex niflu kif jistgħu jolqtuna u x’nistgħu nagħmlu biex inweġġgħu mill-inqas u biex wara li tgħaddi nirpiljaw malajr kemm jista’ jkun.
Bi qsim ta’ qalb kellna nagħlqu l-każin u nwaqqfu l-laqgħat kollha li soltu jsiru bi tħejjija ta’ attivitajiet meħtieġa. L-aħbarijiet minn barra, u dan l-aħħar minn Malta ma jidhrux sbieħ. M’humiex sbieħ għall-prospett li jerġa’ jinfetaħ il-Każin fil-jiem li ġejjin.

L-attivitajiet tal-Ġimgħa Mqaddsa kellhom jitħassru għax li jinġabru ħafna nies qrib xulxin, fil-mument, hi ħażina ħafna. Kellna nwaqqfu temporanjament it-tagħlim tal-mużika u l-kunċerti tal-banda. L-istess jgħodd għall-attivitajiet soċjali li minnhom isir dħul bżonnjuż. Ipposponejna wkoll il-Laqgħa Generali Annwali.

Din is-sitwazzjoni ħolqot il-ħtieġa li xorta inkomplu l-appoġġ tagħna lejn l-Każin. Ħafna mill-proġetti ma jistgħux jieqfu għax huma pjanijiet fuq medda ta’ sentejn jew aktar. Jekk tieqaf titlef dak li lħaqt tkun għamilt u titlef iż-żmien u l-opportunità wkoll. Il-ħsieb tagħna hu li nkomplu nindokraw il-każin u mmexxu dak li jista’ jibqa miexi anke jekk bi pass bil-mod.

Filwaqt li nappellaw sabiex tibqgħu f’kuntatt mal-Każin permezz tal-mezzi soċjali u tar-Radju nistennew bil-ħerqa jiem ta’ normalita’ u paċi. Sadanittant inħeġġikom issegwu d-direttiv kollha li qed joħrġu l-Awtoritajiet tas-Saħħa, ibżgħu għall-saħħitkom u għas-saħħa ta’ qrabatkom.

Philip Sciortino
President Għaqda Każin Banda San Filep

To top