Illum Dun Alfred Agius, fl-età ta’ 70 sena qabad it-triq għal ħdan il-Mulej. Ħassejt li għandi niktbilkom xi ħaġa żgħira dwar dan il-qassis u edukatur li ħadem bil-mod tiegħu għal ġid tal-komunità Żebbuġija.
Dun Alfred trabba fis-Sqaq tas-Sorijiet fost tmient aħwa. Peress li kien dejjem miġbur lejn il-Knisja, ta’ 12-il sena Dun Philip Grech ħallaslu scholarship żgħir biex imur irtir Sqallija. Wara qabad jagħmilha mas-Sależjani li bagħtuh l-Irlanda fejn irċieva is-Saċerdozju. Min hemm Alfred mar jistudja l-Palestina u l-Iżrael f’ Ġerusalemm u Betlehem fejn speċjalizza fl-istudji bibliċi li tant baqgħu għal qalbu matul ħajtu kollha. Hemmhekk tgħallem aktar dwar l-istorja u l-arkeoloġija tal-Lvant Nofsani. Wara l-Palestina hu ingħata l-inkarigu li jaħdem pastoralment fl-Armenja li hu poplu nisrani sa mill-bidu tal-Kristjaneżmu.
Min hemm intbagħat jaħdem fl-Iran u ftit wara inqabad fit-taqlib tar-Rivoluzzjoni tal-1979. Fi ftit kliem, Dun Alfred telaq ħesrem u kontra qalbu għax ma setax ikompli l-ħidma tiegħu hemmhekk. Wasal Malta fl-1980 u fi ftit snin sar qassis Djoċeżan għalkemm kien ilu jaqdi l-pastorali fil-Parroċċa. Kellu għal qalbu l-istudji bibliċi, l-Arkeoloġija u l-Liturġija. Fuq dawn is-suġġetti kemm-il darba kellu programmi fuq ir-radju u kien jinstema’ li kien qiegħed iwieġeb bil-kunfidenza u l-persważjoni ta’ mgħallem.
Għamel żmien twil jaħdem fil-Kappella tas-Sorijiet mmexxija mill-Franġiskani ta’ Marija f’ Ħal Mula fejn kellu l-klassijiet tad-duttrina. Kellu ukoll dik li nsejħilha jien ‘il-pastorali tal-photocopier’. Aktar milli negozju kien mezz uniku kif iżomm kuntatt ma’ firxa ta’ nies minn kull qasam tal-ħajja, Żebbuġin u mhux.
L-aħħar għaxar snin ħadem ta’ Education Officer responsabbli mill-qasam tal-edukazzjoni tar-reliġjon fl-iskejjel statali.”
Kitba ta’
Dr Philip Sciortino