Akkadmja Mużiko-Letterarja F’ġieħ Dun Karm Psaila

Dun Karm Psaila - Poeta Nazzjonali u President Onorarju tal-Għaqda Każin Banda San Filep
Dun Karm Psaila – Poeta Nazzjonali u President Onorarju tal-Għaqda Każin Banda San Filep

Il-Għaqda Każin Banda San Filep AD1851 li din is-sena qed tiċċelebra il-160 sena mit-twaqqif tagħha, fakkret il-50 sena mill-mewt tal-Poeta Nazzjonali li kien ukoll President Onorarju tagħha, b’akkademja mużiko-letterarja, nhar is-Sibt 19 ta’ Frar 2011, fis-sala Mayfair tal-istess każin, Ħaż-Żebbuġ.

Il-kelliema kienu il-Profs Oliver Friggieri, il-Profs Peter Serracino Inglott, Frans Sammut u Dr Godfrey Farrugia. Dawn tkellmu rispetivament dwar: L-Innu Malti, Dun Karm – Poeta Ċajtier, Sehem Dun Karm fil-Qawmien Nazzjonali Malti, u Ir-Rabta ta’ Dun Karm mal-Għaqda Każin Banda San Filep. Ippresieda l-Imħallef Emeritus Dr Philip Sciberras li huwa poeta Żebbuġi.

Grupp ta’ bandisti żgħażagħ mill-Banda San Filep daqq innijiet kompożizzjonijiet ta’ Ġużeppi Caruana b’lirika ta’ Dun Karm u tkantaw minn Joan Mangion, Ivan Vella u Albertine Abela.

Diskors min Profs Oliver Friggieri
Diskors min Profs Oliver Friggieri

Qabel ma bdiet l-akkademja, tpoġġiet quruna f’riġel il-monument ta’ Dun Karm li hawn f’Ħaż-Żebbuġ u nkixfet irħama mal-faċċata tal-Każin San Filep li tfakkar lil Dun Karm Psaila. Grupp ta’ bandisti oħra, ukoll mill-Banda San Filep daqq fanfarra waqt dawn iċ-ċerimonji qosra.

L-udjenza numeruża kienet magħmula l-aktar minn nies midħla tal-letteratura u tal-kultura Maltija u ġew minn Malta kollha. Dawn sabu wkoll pubblikazzjoni bl-atti tal-akkademja u studji oħra ta’ Oliver Friġġieri u Frans Sammut marbutin ma’ Dun Karm.

Il-pubbliku ma ħallas xejn biex gawda din l-attività li kienet oħra minn sensiela twila imtellgħin mill-Għaqda Każin Banda San Filep li hija għaqda volontarja li taħdem favur il-kultura.

[fontawesome_icon name=”fa fa-cloud-download” size=”1″ type=”” color=”” style=”normal” bgcolor=””] Preżentazzjoni viżiva fuq Dun Karm Psaila.

Kitba: Philip Balzan ©

To top